RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Karta tad-Drittijiet Fundamentali

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tirrikonoxxi firxa ta' drittijiet personali, ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE, u tagħmilhom parti mil-liġi tal-UE.

F'Ġunju 1999, il-Kunsill Ewropew ta' Cologne ikkonkluda li d-drittijiet fundamentali applikabbli fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jiġu kkonsolidati f'karta sabiex tingħatalhom viżibilità akbar. Il-kapijiet ta' stat/gvern ħadmu bis-sħiħ biex jinkludu fil-karta dawk il-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950 u dawk derivati mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-pajjiżi tal-UE. Barra minn hekk, il-karta kellha tinkludi d-drittijiet fundamentali li japplikaw għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll id-drittijiet ekonomiċi u soċjali li jinsabu fil-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema. Din tkun tirrifletti wkoll il-prinċipji derivati mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-karta tfasslet minn konvenzjoni li kienet magħmula minn rappreżentant minn kull pajjiż tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll minn membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. Din ġiet formalment ipproklamata f'Nizza f'Diċembru 2000 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

F'Diċembru 2009, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta ngħatat effett legali vinkolanti ugwali għat-Trattati. Għal dan il-għan, il-Karta ġiet emendata u pproklamata għat-tieni darba f'Diċembru 2007.

Kontenut

Il-karta ġġib flimkien f'dokument waħdieni, id-drittijiet li qabel kienu jinstabu fil-firxa ta' strumenti leġiżlattivi, bħal fil-liġijiet nazzjonali u tal-UE, kif ukoll fil-konvenzjonijiet internazzjonali mill-Kunsill tal-Ewropa, in-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Billi tagħmel id-drittijiet fundamentali aktar ċari u aktar viżibbli, din toħloq ċertezza legali fi ħdan l-UE.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkludi preambolu u 54 Artikolu, miġbura f'seba' kapitoli:

  • kapitolu I: dinjità (id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni tat-tortura u trattament inuman jew degradanti jew kastig, projbizzjoni tal-iskjavitu u tax-xogħol furzat);
  • kapitolu II: libertajiet (id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u familjari, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt taż-żwieġ u tal-istabbiliment ta' familja, il-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u informazzjoni, il-libertà ta' assemblea u assoċjazzjoni, il-libertà tal-arti u x-xjenzi, id-dritt għall-edukazzjoni, il-libertà tal-għażla tal-okkupazzjoni u d-dritt li persuna tinvolvi ruħha f'xogħol, il-libertà li persuna tmexxi negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-ażil, il-protezzjoni fil-każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni);
  • kapitolu III: ugwaljanza (ugwaljanza quddiem il-liġi, in-non-diskriminazzjoni, id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà);
  • kapitolu IV: solidarjetà (dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u konsultazzjoni fi ħdan l-impriża, id-dritt ta' negozjar u azzjoni kollettiva, id-dritt ta' aċċess għal servizzi ta' impjieg, il-protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija inġusta, kundizzjonijiet ġusti u xierqa tax-xogħol, il-projbizzjoni ta' xogħol mit-tfal u l-protezzjoni ta' żgħażagħ fuq ix-xogħol, tal-ħajja familjari u ta' dik professjonali, is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, il-kura tas-saħħa, l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, il-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni tal-konsumatur);
  • kapitolu V: drittijiet taċ-ċittadini (id-dritt għall-vot u li persuna toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, id-dritt ta' aċċess għal dokumenti, Ombudsman Ewropew, id-dritt għall-petizzjoni, il-libertà tal-moviment u residenza, u l-protezzjoni diplomatika u konsulari);
  • kapitolu VI: ġustizzja (id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità ta' reati kriminali u pieni, id-dritt li persuna ma tiġix iġġudikata jew tingħata piena darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess offiża kriminali);
  • kapitolu VII: dispożizzjonijiet ġenerali.

Ambitu

Il-karta tapplika għall-istituzzjonijiet Ewropej, soġġett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, u huma ma jistgħu taħt ebda ċirkostanza jestendu l-poteri u l-kompiti mogħtija lilhom mit-Trattati. Il-karta tapplika wkoll għall-pajjiżi tal-UE meta dawn jimplimentaw il-liġi tal-UE.

Jekk xi wieħed mid-drittijiet jikkorrispondi għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, is-sens u l-ambitu ta' dawk id-drittijiet għandu jkun l-istess kif definit mill-konvenzjoni, għalkemm liġi tal-UE tista' tipprovdi għal protezzjoni aktar estensiva. Kwalunkwe dritt derivat mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' pajjiżi tal-UE, għandu jiġi interpretat b'mod konformi ma' dawk it-tradizzjonijiet.

Il-Protokoll (Nru) 30 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-karta għall-Polonja u r-Renju Unit jirrestrinġi l-interpretazzjoni tal-karta mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali ta' dawn iż-żewġ pajjiżi, b'mod partikolari fir-rigward ta' drittijiet relatati mas-solidarjetà (kapitolu IV).

L-aħħar aġġornament: 06.05.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna