EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ

Il-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ (EFT) taħdem fi ħdan il-kuntest tal-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea (UE), bil-għan illi tgħin pajjiżi mhux tal-UE jtejbu l-iżvilupp tal-kapital uman tagħhom. Għalhekk tfittex illi tinkoraġġixxi aċċess għal tagħlim matul il-ħajja u l-iżvilupp ta’ ħiliet u kompetenzi.

ATT

Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (riformulazzjoni)

SOMMARJU

Dan ir-regolament jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ (ETF), u jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 1360/90, li oriġinarjament kien ħoloqha. Il-fondazzjoni taħdem fi ħdan l-isfera tal-politika dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea (UE) bil-għan illi tippromwovi l-iżvilupp tal-edukazzjoni vokazzjonali u sistemi ta’ taħriġ fil-pajjiżi sħab li ġejjin:

  • il-pajjiżi kandidati tal-UE (l-Albanija, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija u l-Eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja);
  • il-pajjiżi potenzjalment kandidati fil-Balkani tal-Punent (Bosnia-Ħerżegovina u l-Kosovo);
  • il-Mediterran tan-nofsinhar, pajjiżi sħab tal-Lvant tal-Ewropa u n-nofsinhar tal-Kawkażu (l-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Moldova, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, ir-Russja, is-Sirja, it-Tuneżija u l-Ukrajna);
  • pajjiżi oħrajn, kif deċiż mill-bord governattiv tal-ETF fuq bażi ta’ kriterji speċifiċi.

Il-fondazzjoni tipprovdi assistenza lil dawn il-pajjiżi fit-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi taċ-ċittadini tagħhom. Dan jikkonsisti fil-parteċipazzjoni fi proċess ta’ riforma għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ inizjali u kontinwu, kif ukoll l-iffaċilitar tal-aċċess tiegħu. Il-ETF tassisti wkoll fil-promozzjoni tal-mobilità, il-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet u negozi edukattivi, kif ukoll skambju ta’ esperjenza u informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE.

Bil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ edukazzjoni vokazzjonali u sistemi ta’ taħriġ f’pajjiżi sħab, il-funzjonijiet tal-fondazzjoni jikkonsistu b’mod speċifiku f’:

  • l-għoti ta’ informazzjoni, analiżi tal-politiki u pariri dwar l-iżvilupp kapitali uman;
  • it-titjib tal-għarfien tal-ħtiġijiet tal-ħiliet tas-suq tax-xogħol;
  • l-għoti ta’ appoġġ għall-bini tal-kapaċità;
  • il-forniment ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi fost id-donaturi kif ukoll il-pajjiżi sħab tal-UE;
  • appoġġ għall-għoti ta’ assistenza mill-UE u l-analiżi tal-effikaċja tagħha (jekk meħtieġa mill-Kummissjoni).

Billi ssegwi l-funzjonijiet tagħha, il-fondazzjoni għandha tikkollabora ma’ korpi oħrajn relevanti tal-UE, b’mod partikolari maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), kif ukoll ma’ rappreżentanti mis-sħab soċjali Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti meta xieraq.

L-ETF hija fondazzjoni li ma għandhiex l-għan li tagħmel profitt u għandha personalità legali. Hija bbażata f’Turin, l-Italja.

Struttura

Il-bord governattiv tal-ETF jikkonsisti f’rappreżentant minn kull pajjiż tal-UE, 3 rappreżentanti mill-Kummissjoni, 3 esperti nominati mill-Parlament Ewropew u 3 rappreżentanti tal-pajjiżi sħab nominati mill-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti tal-pajjiż tal-UE u tal-Kummissjoni biss għandhom id-dritt għall-vot, vot kull wieħed għal dawk tal-ewwel u vot maqsum għal dawk tat-tieni. Wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jmexxi l-bord, u jlaqqgħu tal-inqas darba fis-sena. Il-mandat tal-bord huwa ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded darba.

Il-bord governattiv huwa responsabbli għat-tfassil tal-istima annwali ta’ nefqa u dħul kif ukoll għall-adozzjoni tal-programm annwali ta’ ħidma, abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment, baġit definittiv, rapport annwali tal-attività, regoli ta’ proċedura u regoli finanzjarji. Għandu l-poter illi jaħtar jew li jkeċċi lid-direttur, kif ukoll illi jtawwal il-mandat tiegħu.

Id-direttur huwa maħtur minn lista ta’ kandidati li tkun proposta mill-kummissjoni għal terminu ta’ 5 snin. Il-mandar jista’ jiġi estiż darba għal massimu ta’ 3 snin. Id-direttur huwa r-rappreżentant legali tal-fondazzjoni u huwa responsabbli għall-immaniġġjar amministrattiv tagħha. Huwa/Hija responsabbli wkoll għall-preaprazzjoni u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-bord governattiv kif ukoll għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, id-direttur għandu jimplimenta l-programm annwali ta’ ħidma u l-baġit tal-fondazzjoni.

Il-finanzi tal-ETF jikkonsistu b’mod prinċipali minn sussidju minn baġit ġenerali tal-UE u minn ħlasijiet riċevuti għal servizzi li jingħataw. Il-kontijiet finali tal-fondazzjoni, ir-rapporti annwali tal-attività u r-regoli ta’ proċedura għandhom ikunu pubbliċi.

Sfond

Sa mill-adozzjoni tiegħu, ir-Regolament (KEE) Nru 1360/90 li stabbilixxa l-ETF kien emendat f’diversi okkażjonijiet. Minħabba emendi addizzjonali u għal raġunijiet ta’ ċarezza, ir-regolament ġie revokat u sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 1339/2008.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Regolament (UE) Nru 1339/2008

20.1.2009

-

ĠU L 354, 31.12.2008, pp. 82-93

l-aħħar aġġornament 10.09.2015

Top