RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 22-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Rekwiżiti applikabbli għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-oqfsa baġitarji nazzjonali tal-Istati Membri. Dawn ir-regoli jitqiesu fil-kuntest tas-sorveljanza baġitarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). Huma maħsuba biex jgħinu jiżguraw li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt il-patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir.

ATT

Direttiva 2011/85/UE tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti applikabbli għall-oqsfa baġitarji tal-Istati Membri (Ġurnal Uffiċjali L 306, 23.11.2011).

SOMMARJU

Din id-direttiva tapplika għall-oqsfa baġitarji nazzjonali tal-Istati Membri. Dawn l-oqfsa baġitarji jfissru l-miżuri, ir-regoli u l-istituzzjonijiet kollha li bihom il-gvernijiet tal-Istati Membri jmexxu l-politika fiskali.

Għaldaqstant id-direttiva tipprovdi regoli applikabbli għal ċerti elementi tal-oqfsa baġitarji, inklużi:

  • is-sistemi ta’ kontabilità baġitarja u statistika;
  • ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw it-tħejjija tal-previżjonijiet għall-ippjanar tal-baġit;
  • ir-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għal kull pajjiż, bħal-limiti fuq id-dejn u d-defiċits;
  • il-qafas baġitarju fuq terminu medju;

Sistema ta’ kontabilità u statistika

L-Istati Membri għandu jkollhom sistemi nazzjonali ta’ kontabilità pubblika li jkopru b’mod komprensiv u konsistenti is-subsetturi kollha tal-gvern ġenerali.

Dawn is-sistemi ta’ kontabilità għandhom jippermettu lill-Istati Membri li jiżguraw il-pubblikazzjoni regolari tad-dejta fiskali relatata mal-gvern.

Barra minn hekk, is-sistemi ta’ kontabilità nazzjonali tal-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni interna u verifika indipendenti.

Tbassir għall-ippjanar fiskali

L-Istati Membri għandhom jibbażaw l-ibbaġitjar tagħhom fuq tbassir makroeonomiku u fiskali kemm jista’ jkun realistiku. Dan it-tbassir għandu jinkludi fost oħrajn studju tal-varjabbli fiskali prinċipali skont suppożizzjonijiet differenti dwar l-evoluzzjoni tat-tkabbir u tar-rati tal-imgħax.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw it-tbassir makroekonomiku u fiskali tagħhom, kif ukoll il-metodi u l-parametri li jkunu intużaw. Għandhom jispeċifikaw ukoll l-istituzzjoni responsabbli għall-produzzjoni ta’ dan it-tbassir.

It-tbassir tal-Istati Membri mbagħad għandu jitqabbel mat-tbassir magħmul mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar hija wkoll meħtieġa li tippubblika l-metodi, is-suppożizzjonijiet u l-parametri li jkunu ntużaw. Kwalunkwe differenza sinifikanti bejn it-tbassir tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni għandha tkun deskritta u spjegata.

Regoli fiskali numeriċi

Is-sorveljanza baġitarja tal-UE għandha wkoll tkun ibbażata fuq regoli fiskali numeriċi f’kull Stat Membru. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jevitaw żbilanċi eċċessivi u dejn eċċessiv tal-gvern.

Ir-regoli fiskali speċifiċi għal kull pajjiż għandhom jinkludu fost oħrajn:

  • l-għanijiet fil-mira u l-ambitu tar-regoli;
  • monitoraġġ effettiv tal-konformità mar-regoli, ibbażat fuq analiżi affidabbli minn aġenziji indipendenti jew li jgawdu minn awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet baġitarji nazzjonali;
  • il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli.

Qafas baġitarju fuq terminu medju

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas baġitarju fuq terminu medju. Dan il-qafas għandu jkun definit bħala sett ta’ proċeduri baġitarji nazzjonali li jtawwlu l-iżvilupp tal-politika fiskali lil hinn mill-kalendarju tal-baġit annwali. Dan għandu jkun akkumpanjat mill-adozzjoni ta’ pjan baġitarju ta’ mill-inqas tliet snin. Il-qafas fiskali għandu għalhekk jinkludi l-elementi li ġejjin:

  • miri baġitarji multiannwali komprensivi u trasparenti, pereżempju espressi f’termini ta’ defiċit pubbliku jew dejn pubbliku;
  • projezzjonijiet għal kull oġġett kbir ta’ nfiq u ta’ dħul tal-gvern;
  • deskrizzjoni tal-politiki mfassla fuq terminu medju u li għandhom impatt fuq il-finanzi tal-gvern;
  • evalwazzjoni tal-effetti possibbli tal-politiki proposti fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

Kuntest

Il-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir huwa sett ta’ regoli li jistabbilixxu s-sorveljanza ekonomika u baġitarja fil-livell Ewropew. L-għan huwa li tiġi żgurata l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-UE.

L-Istati Membri għandhom għalhekk isegwu politiki fiskali sodi biex jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern li jistgħu jheddu l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-UE.

Fl-2011, il-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir kien soġġett għal riforma estensiva. Il-miżuri ġodda adottati huma pass importanti biex tiġi żgurata d-dixxiplina fiskali, tkun promossa l-istabbiltà tal-ekonomija Ewropea u tiġi evitata kriżi ġdida fl-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, il-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir issa jiġbor fih sitt biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li daħlu fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011:

  • ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 dwar l-implimentazzjoni effettiva tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro;
  • ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro;
  • ir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 li jemenda l-proċeduri ta’ sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji;
  • ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi;
  • ir-Regolament (UE) Nru 1177/2011 li jemenda l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv;
  • din id-Direttiva Nru 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti applikabbli għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħSkadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Id-Direttiva 2011/85/UE

13.12.2011

ĠU L 306, 23.11.2011

L-aħħar aġġornament: 17.02.2012
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna