RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Introduzzjoni tal-euro: il-kriterji ta' konverġenza

Qabel ma jkun jista' jadotta l-euro bħala munita waħdanija, Stat Membru jrid jissodisfa ċertu numru ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, li huma msejħa wkoll kriterji ta' konverġenza. Dawn il-kundizzjonijiet huma erbgħa:

  • l-istabbiltà tal-prezzijiet;
  • il-qagħda tal-finanzi pubbliċi;
  • il-parteċipazzjoni f'mekkaniżmu ta' kambju tas-sistema monetarja Ewropea;
  • il-konverġenza tar-rati tal-imgħax.

B'hekk, meta Stat Membru jkun kandidat għall-adozzjoni tal-euro, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE) jivverifika li dak l-Istat Membru jirrispetta kull waħda minn dawk l-erba' kriterji. Jekk dan ikun il-każ, il-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Istat Membru li jadotta l-euro u tispeċitika r-riżultati ta' dak l-Istati Membru fir-rigward tal-kriterji ta' konverġenza.

L-istabbiltà tal-prezzijiet

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw stabbiltà sostenibbli tal-prezzijiet. Sabiex jiġi vverifikat dan il-kriterju, il-Kunsill josserva r-rata ta' inflazzjoni tal-Istat Membru matul perjodu ta' sena. Huwa sussegwentement iqabbel dik ir-rata mar-rata ta' inflazzjoni tat-tliet Stati Membri li jippreżentaw l-aħjar riżultati fir-rigward tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Jekk ir-rata tal-Istat Membru kandidat ma tkunx taqbeż b'aktar minn 1.5 % dik tat-tliet l-aħjar Stati Membri, allura l-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet ikun issodisfat.

Il-qagħda tal-finanzi pubbliċi

L-Istat Membru kandidat għandu jippreżenta finanzi pubbliċi sostenibbli. Fi kliem ieħor, is-sitwazzjoni baġitarja tal-Istat Membru m'għandhiex turi defiċit eċċessiv.

Il-parteċipazzjoni f'mekkaniżmu ta' kambju tas-sistema monetarja Ewropea

Il-mekkaniżmu ta' kambju Ewropew huwa mekkaniżmu tar-rata tal-kambju bejn l-euro u l-muniti tal-Istati Membri li ma adottawx l-euro. L-objettiv prinċipali tiegħu huwa li jistabbilizza r-rati tal-kambju barrani Ewropej billi jevita varjazzjonijiet wisq kbar bejn il-valur tal-euro u dak ta' muniti nazzjonali oħrajn.

Stat Membru kandidat għall-introduzzjoni tal-euro jrid ikun ipparteċipa fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju Ewropew għal ta' mill-inqas sentejn. Barra minn hekk, ma jistax ikun esperjenza tensjoni gravi fir-rigward tal-munita tiegħu matul dawk is-sentejn.

Konverġenza tar-rati tal-imgħax fit-tul

Ir-rati tal-imgħax fit-tul huma kkalkulati fuq il-bażi tas-self tal-Istati Membri, jiġifieri meta dawn joħorġu bonds jew titoli ekwivalenti.

Ir-rata tal-imgħax fit-tul ta' Stat Membru kandidat għall-introduzzjoni tal-euro b'hekk tiġi mqabbla ma' valur ta' referenza. Dak il-valur ta' referenza jinkiseb billi tiġi kkalkulata l-medja tar-rata tal-imgħax fit-tul tat-tliet Stati Membri tal-UE li jippreżentaw l-aħjar riżultati fir-rigward tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Sabiex tissodisfa dak il-kriterju, ir-rata tal-imgħax tal-Istat Membru kandidat ma tistax taqbeż b'aktar minn 2 % il-valur ta' referenza.

Rapporti ta' konverġenza

L-Istati Membri li ma jissodisfawx il-kriterji ta' konverġenza huma soġġetti għal deroga fit-tielet fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Ta' mill-inqas kull sentejn, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali jifformulaw rapporti ta' konverġenza fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri. Dawk ir-rapporti jeżaminaw il-progress miksub mill-Istati Membri fir-rigward tal-ħarsien tal-kriterji ta' konverġenza.

Għandu jiġi mfakkar li id-Danimarka u r-Renju Unit huma soġġetti għal eżenzjoni mit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja. Dawn iż-żewġ Stati Membri għalissa m'għandhomx l-intenzjoni li jadottaw l-euro. Għaldaqstant mhumiex ikkonċernati mill-obbligi dwar il-kriterji ta' konverġenza.

Kuntest

Il-kriterji ta' konverġenza għandhom bħala bażi ġuridika l-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (UE) u huma s-suġġett tal-protokoll nru 13 anness mat-Trattati Fundaturi tal-UE.

L-aħħar aġġornament: 15.10.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna