RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) huwa l-istrument ewlieni tal-għajnuna Komunitarja għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Istati AKP kif ukoll lill-pajjiżi u t-territorji barranin (Overseas Countries and Territories - OCT). It-Trattat ta’ Ruma tal-1957 kien ipprovda għall-ħolqien tiegħu sabiex jagħti għajnuna teknika u finanzjarja, inizjalment lill-pajjiżi Afrikani li dak iż-żmien kienu għadhom kolonji u li magħhom ċerti Stati kellhom rabtiet storiċi.

Għalkemm, wara t-talba tal-Parlament Ewropew, ġie rriżervat titolu għall-Fond fil-baġit Komunitarju mill-1993, il-FEŻ għadu ma jagħmilx parti mill-baġit Komunitarju ġenerali. Huwa ffinanzjat mill-Istati Membri u huwa soġġett għar-regoli finanzjarji tiegħu u amministrat minn kumitat speċifiku. L-għajnuna li tingħata lill-pajjiżi AKP u lill-OCTs sejra tkompli tkun iffinanzjata permezz tal-FEŻ għall-perjodu 2008-2013.

Kull FEŻ huwa konkluż għal perjodu ta’ madwar ħames snin. Mill-konklużjoni tal-ewwel konvenzjoni ta’ sħubija fl-1964, iċ-ċikli tal-FEŻ segwew, ġeneralment, dawk tal-ftehimiet/konvenzjonijiet ta’ sħubija.

  • L-ewwel FEŻ: 1959-1964
  • It-tieni FEŻ: 1964-1970 (Konvenzjoni ta’ Yaoundé I)
  • It-tielet FEŻ: 1970-1975 (Konvenzjoni ta’ Yaoundé II)
  • Ir-raba’ FEŻ: 1975-1980 (Konvenzjoni ta’ Lomé I)
  • Il-ħames FEŻ: 1980-1985 (Konvenzjoni ta’ Lomé II)
  • Is-sitt FEŻ: 1985-1990 (Konvenzjoni ta’ Lomé III)
  • Is-seba’ FEŻ: 1990-1995 (Konvenzjoni ta’ Lomé IV)
  • It-tmien FEŻ: 1995-2000 (Konvenzjoni ta’ Lomé IV u r-reviżjoni IV a tagħha)
  • Id-disa’ FEŻ: 2000-2007 (Ftehim ta’ Cotonou)
  • L-għaxar FEŻ: 2008-2013 (Ftehim ta’ Cotonou rivedut)

Il-FEŻ huwa magħmul minn diversi strumenti, b’mod partikolari l-għajnuna mhux rifondibbli, il-kapital ta’ riskju u s-self lis-settur privat. L-istrumenti Stabex u Sysmin li kellhom l-għan li jgħinu rispettivament lis-settur agrikolu u dak tal-minjieri tneħħew permezz tal-ftehim il-ġdid ta’ sħubija ffirmat f’Cotonou f’Ġunju tal-2000. Dan il-ftehim issemplifika ukoll l-istrumenti tal-FEŻ u daħħal sistema ta’ programmazzjoni kontinwa (rolling) li toffri aktar flessibbiltà u li tagħti aktar responsabbiltà lill-Istati AKP.

Id-disa’ FEŻ kien allokat is-somma ta’ 13.5 biljun euro għall-perjodu ta’ bejn l-2000 u l-2007. Barra minn hekk, il-bilanċi pendenti tal-FEŻ preċedenti jammontaw għal aktar minn 9.9 biljun euro.

Id-Deċiżjoni Nru 6/2005 (DE ) (EN ) (FR ) tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE, tat-22 ta’ Novembru 2005, stabbilixxiet li timpenja 482 miljun euro mis-somma kundizzjonali ta’ biljun euro taħt id-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Dan l-ammont kien maqsum b’dan il-mod: 352 miljun euro għall-pakkett ta’ appoġġ għall-iżvilupp fit-tul, 48 miljun euro għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali u 82 miljun euro għall-faċilità tal-investiment. Barra minn hekk, porzjon ieħor ta’ 250 miljun euro maħsub għat-tieni ħlas għall-Faċilità AKP-UE għall-ilma ġie stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 7/2005 (DE ) (EN ) (FR ) tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE.

L-għajnuna għall-iżvilupp ipprovduta mill-FEŻ tagħmel parti minn qafas Ewropew usa’. Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-fondi tal-baġit ġenerali tal-Komunità jistgħu jintużaw għal ċerti azzjonijiet. Barra minn hekk, filwaqt li tamministra parti mir-riżorsi tal-FEŻ (is-self u l-kapital ta’ riskju), il-kontribuzzjoni tar-riżorsi proprji tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) tammonta għal 1.7 biljun euro għall-perjodu kopert mid-disa’ FEŻ.

L-għaxar Fond, li jkopri l-perijodu ta’ bejn l-2008 u l-2013, jipprovdi baġit ta’ 22.682 biljun euro. Minn dan l-ammont, 21.966 biljun euro huma allokati għall-Istati AKP, 286 miljun euro għall-OCTs u 430 miljun euro għall-Kummissjoni taħt in-nefqiet ta’ appoġġ marbuta mal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-FEŻ. B’mod partikolari, l-ammont allokat għall-AKP huwa maqsum b’dan il-mod: 17.766 biljun euro għall-finanzjament tal-programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali, 2.7 biljun euro għall-finanzjament tal-kooperazzjoni intra-AKP u interreġjonali, 1.5 biljun euro għall-finanzjament tal-faċilità tal-investiment. Parti akbar mill-baġit hija ddedikata għall-programmi reġjonali, biex b’hekk tenfasizza l-importanza li għandha l-integrazzjoni ekonomika reġjonali għall-iżvilupp nazzjonali u lokali li għalih isservi bħala qafas bażiku. Il-ħolqien ta’ “ammonti ta’ inċentivi” għal kull pajjiż huwa innovazzjoni tal-għaxar FEŻ.

L-Istati Membri għandhom il-ftehimiet bilaterali tagħhom u jimplimentaw l-inizjattivi tagħhom stess mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li mhumiex iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jew minn fondi Komunitarji oħrajn.

L-aħħar aġġornament: 14.06.2007
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna