EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE li tistabbilixxi l-avveniment għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2007 sal-2019

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DEĊIŻJONI?

Din tistabbilixxi l-avveniment tal-“Kapitali Ewropea tal-Kultura” (ECoC) u tiddefinixxi l-proċess għall-għażla tal-ibliet sabiex bejn l-2013 u l-2019 iħaddnu t-titlu, kif ukoll is-sistema għall-monitoraġġ tat-tħejjijiet sas-sena tal-avveniment.

PUNTI EWLENIN

Il-programm kulturali u d-dimensjoni Ewropea tiegħu

Kull fajl tal-belt kandidata ser jinkludi programm kulturali li għandu jissodisfa għadd ta’ kriterji, maqsumin f’2 kategoriji:

  • “id-dimensjoni Ewropea”, li tinvolvi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi kulturali fil-livelli kollha. Il-programm għandu jenfasizza wkoll ir-rikkezza tad-diversità kulturali Ewropea u l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej;
  • “il-belt u ċ-ċittadini”, imfassal biex iqajjem l-interess pubbliku fl-avveniment fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej u jagħti spinta lill-iżvilupp kulturali fit-tul tal-belt.

Normalment, il-programm idum sena. L-ibliet, li t-tħejjijiet tagħhom għall-avveniment huma rikonoxxuti bħala eċċellenti jistgħu jiġu ppremjati l-Premju Melina Mercouri (imsemmi wara l-Ministru għall-Kultura Griegi li nediet l-idea tal-Kapitali tal-Kultura). Dan jiġi ppremjat mill-Kummissjoni Ewropea u huwa ffinanzjat mill-programm Ewropa Kreattiva.

Proċess tal-għażla

  • 2 pajjiżi tal-UE kull sena jistgħu jospitaw l-avveniment.
  • Il-proċedura tal-għażla hija magħmula minn 4 stadji:
  • 1.

    il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet: il-pajjiżi tal-UE kkonċernati jippubblikaw sejħa għall-applikanti sa mhux aktar tard minn 6 snin qabel ma jkun wasal biex jibda l-avveniment inkwistjoni. L-ibliet interessati għandhom mill-inqas 10 xhur minn din id-data biex japplikaw.

  • 2.

    l-għażla preliminari: mhux aktar tard minn 5 snin qabel jibda l-avveniment, il-bord tal-għażla jiltaqa’ biex jeżamina l-proposti u jpoġġi fil-lista mqassra l-ibliet li ser jiġu mistiedna biex isegwu l-proċess. Dan il-bord huwa magħmul minn 13-il espert, 7 minnhom inħatru għal 3 snin mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Is-6 li jifdal jintgħażlu mill-pajjiżi tal-UE kkonċernati.

  • 3.

    L-għażla finali: 9 xhur wara l-ewwel laqgħa tal-għażla, il-bord jerġa’ jiltaqa’ biex jeżamina l-programmi tal-kandidati fil-lista mqassra, li jkunu ġew spjegati aktar fid-dettall u biex jirrakkomanda wieħed minnhom bħala l-“Kapitali Ewropea tal-Kultura”. F’dan l-istadju, il-bord jippreżenta rapport lill-pajjiż tal-UE kkonċernat u lill-Kummissjoni, li fih dan jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet lill-belt magħżula.

  • 4.

    in-nomina: 4 snin qabel il-bidu tal-avveniment, iż-żewġ pajjiżi tal-UE kkonċernati mis-sena inkwistjoni, jippreżentaw applikazzjoni ta’ belt waħda lill-istituzzjonijiet Ewropej, fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-bord. Il-Kunsill jinnomina uffiċjalment belt waħda bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati.

Il-fażi ta’ monitoraġġ

  • L-esperti maħtura mill-istituzzjonijiet jgħinu lill-kapitali magħżula jimplimentaw il-programmi tagħhom, b’mod partikolari billi jiggarantixxu l-valur miżjud Ewropew tagħhom (jiġifieri li hemm valur miżjud li jirriżulta min-nomina tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura li ma kienx jinħoloq mill-belt (jew il-pajjiż tiegħu) kieku kienu qegħdin jaġixxu waħedhom).
  • Il-monitoraġġ ta’ nofs it-terminu jseħħ sentejn qabel il-bidu tal-avveniment u jirrelata mal-progress li jkun sar fit-tħejjija u d-dimensjoni Ewropea.
  • Il-monitoraġġ finali isir sa mhux aktar tard minn 8 xhur qabel l-avveniment, li matulu l-esperti jeżaminaw u jevalwaw ix-xogħol preparatorju. Dawn jibagħtu rapport lill-Kummissjoni u lill-ibliet ikkonċernati dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjoni tagħhom dwar jekk jippremjawx il-Premju Melina Mercouri jew le.

Revoka

Id-deċiżjoni ġiet revokata bid-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tikkonċerna n-nomina tal-ibliet mill-2020 ’il quddiem. Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tibqa’ tapplika fil-każ ta’ bliet nominati bħala ECoC għas-snin 2013 sa 2019.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din bdiet tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007, minbarra l-Artikolu 5 (dwar il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet) li beda japplika mit-23 ta’ Novembru 2006.

SFOND

  • L-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, li tnediet mill-Kunsill fl-1985, sar wieħed mill-aktar proġetti popolari tal-UE. Minħabba l-livell għoli ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-impatt kulturali u soċjoekonomiku tiegħu, għadd dejjem akbar ta’ bliet issa qegħdin jikkompetu għat-titlu kull sena.
  • Għal aktar informazzjoni ara:

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni Nru 1622/2006/UEtal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sal-2019 (ĠU L 304, 3.11.2006, pp.1-6)

ATTI RELATATI

Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 1-12)

l-aħħar aġġornament 17.07.2017

Top