EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Organiżmi modifikati ġenetikament — identifikaturi uniċi

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 dwar identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament jistabbilixxi identifikatur uniku*, simili għal barcode, speċifiku għal kull organiżmu modifikat ġenetikament* (OMĠ ) li jidħol fis-suq. Dan huwa element ewlieni fit-traċċar* u t-tikkettjar ta’ ikel u għalf għall-annimali li jirriżultaw minn OMĠs, bil-għan li jtejbu l-għażla tal-konsumatur u jipprovdu salvagwardji għas-saħħa u l-ambjent.

PUNTI EWLENIN

Għall-konsistenza mal-iżviluppi f’fora internazzjonali, format ta’ identifikatur uniku jintuża mid-database tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku BioTrack u mill-Clearing House dwar il-Bijosigurtà u l-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

Għal kull applikazzjoni ġdida għall-awtorizzazzjoni biex OMĠ jitqiegħed fis-suq, l-applikant għandu jiċċekkja fid-databases biex jiżgura li l-identifikatur ma ġiex diġà assenjat qabel il-ħolqien ta’ identifikatur uniku fil-format preskritt.

Meta tingħata l-awtorizzazzjoni biex OMĠ jitqiegħed fis-suq, l-identifikatur uniku mbagħad jiġi kkomunikat lill-Clearing House dwar il-Bijosigurtà mill-Kummissjoni Ewropea u rreġistrat fir-reġistru tal-UE ta’ OMĠ awtorizzati.

L-OMĠ kollha li ġew awtorizzati qabel daħal fis-seħħ ir-Regolament ingħataw identifikaturi uniċi taħt ir-regolament.

Il-format tal-identifikatur uniku huwa definit fl-anness għar-regolament, u fih disa’ ċifri alfanumeriċi. L-ewwel żewġ jew tliet ċifri jirrappreżentaw l-isem tal-kumpanija jew l-organizzazzjoni. It-tieni komponent ta’ ħames jew sitt ċifri jirrappreżenta każ ta’ trasformazzjoni* u l-komponent finali huwa ċifra unika ta’ verifika, kollha separati b’sing, pereżempju: MON-00603-1.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa japplika mis-16 ta’ Jannar 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara “It-traċċar u t-tikkettjar” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* Identifikatur uniku: kodiċi alfanumerika b’9 ċifri speċifika għal OMĠ li tippermettilha tiġi identifikata faċilment fuq it-tikkettjar tal-prodott.

* Organiżmi modifikati ġenetikament: pjanti jew annimali mrobbija sabiex jagħtu produzzjoni ogħla jew jirreżistu l-mard, permezz tal-modifika tal-għamla ċellulari u ġenetika tagħhom.

* Traċċar: l-abilità li jiġu ntraċċati l-OMĠ, u prodotti manifatturati minn OMĠ, fl-istadji kollha tal-katina tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni, li jiffaċilita l-ittikkettjar preċiż.

* Każ ta’ trasformazzjoni: terminu użat biex jiddistingwi varjetajiet ta’ uċuħ tar-raba’ u organiżmi oħra ġenetikament iġġenerati (transformati).

ATT

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5-10)

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 641/2004 tas-6 ta’ April 2004 dwar regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-ikel u l-għalf ġdid ġenetikament modifikat, in-notifika ta' prodotti eżistenti u preżenża aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta' materjal ġenetikament modifikati li bbenifika minn valutazzjoni tar-riskju favorevoli (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 14-25).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 641/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 rdwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24-28). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 12.04.2016

Top