EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regolarizzazzjoni ta’ għelejjel ĠM: Id-drittijiet tal-pajjiżi tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Għandha l-għan li tagħmel il-proċedura għall-għoti tal-kunsens għar-rilaxx intenzjonat* u t-tqegħid fis-suq ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)* aktar effiċjenti u aktar trasparenti.
  • Tillimita wkoll dak il-kunsens għal perjodu ta’ 10 snin (rinnovabbli) u tintroduċi monitoraġġ obbligatorju wara li l-OĠM ikunu tqiegħdu fis-suq.

PUNTI EWLENIN

Din id-direttiva tipprovdi għal:

  • sistema għall-evalwazzjoni każ b’każ tar-riskji ambjentali assoċjati mar-rilaxx ta’ OĠM;
  • għanijiet komuni għall-monitoraġġ tal-OĠM wara r-rilaxx deliberat tagħhom fis-suq; u
  • mekkaniżmu li jimmodifika, jissospendi jew itemm l-OĠM li jiġu rilaxxati deliberatament ladarba l-informazzjoni dwar ir-riskji tar-rilaxx issir disponibbli.

L-ittikkettjar tal-OĠM u l-konsultazzjoni pubblika jsiru obbligatorji. Il-Kummissjoni Ewropea hija obbligata tikkonsulta mal-kumitati xjentifiċi kompetenti dwar kwalunkwe kwistjoni li taffettwa s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent.

Ir-reġistri għandhom ikunu stabbiliti bl-iskop li jirreġistraw informazzjoni dwar modifiki ġenetiċi f’OĠM flimkien mal-lokazzjoni tagħhom. Ir-regoli dwar it-tħaddim ta’ dawn ir-reġistri huma stabbiliti fid-Deċiżjoni 2004/204/KE.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-esperjenza ta’ OĠM imqiegħda fis-suq u sommarju tal-miżuri meħuda mill-pajjiżi tal-UE biex jimplimentaw din id-direttiva kull 3 snin.

Għalkemm din id-direttiva tippermetti lill-pajjiżi tal-UE biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu r-rilaxx ta’ OĠM li jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, id-Direttiva (UE) 2015/412 temendaha u tippermetti lill-pajjiżi tal-UE biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu OĠM li ġew awtorizzati jew li huma taħt awtorizzazzjoni fil-livell tal-UE għal raġunijiet usa’. Dawn ir-raġunijiet li jistgħu jintużaw mill-pajjiżi tal-UE jinkludu l-ippjanar tal-ibliet u tal-pajjiż, l-użu tal-art, impatti soċjoekonomiċi, il-koeżistenza* u l-politika pubblika.

Id-direttiva emendatorja tistabbilixxi wkoll is-sett ta’ skadenzi u responsabbiltajiet li jirregolaw id-deċiżjonijiet meħuda dwar l-aġġustament tal-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni, inkluż dritt li wieħed jagħżel li jibqa’ barra abbażi ta’ ċirkostanzi oġġettivi ġodda.

Mit-3 ta’ April 2017, il-pajjiżi tal-UE li fihom huma kkultivati ​​OĠM għandhom jintroduċu miżuri f’żoni tal-fruntiera tat-territorju tagħhom bl-għan li tiġi evitata kontaminazzjoni transkonfinali possibbli f’pajjiżi ġirien tal-UE fejn il-kultivazzjoni ta’ dawk l-OĠM hija pprojbita, sakemm miżuri bħal dawn ma jkunux meħtieġa fid-dawl ta’ kondizzjonijiet ġeografiċi partikolari.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-17 ta’ April 2001. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali tagħhom sas-17 ta’ Ottubru 2002.

SFOND

Din id-direttiva hija biss waħda mill-bosta komponenti ewlenin tal-qafas legali tal-UE għall-OĠM. Il-komponenti l-oħrajn huma direttivi u regolamenti (li jiffokaw fuq kwistjonijiet bħall-ikel ġenetikament modifikat jew il-movimenti transkonfinali ta’ OĠM) li jaħdmu biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent, jistabbilixxu proċeduri armonizzati, u jiżguraw traċċabilità ta’ OĠM imqiegħda fis-suq.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Rilaxx intenzjonat: fil-kuntest ta’ din il-leġiżlazzjoni, kwalunkwe introduzzjoni intenzjonata fl-ambjent ta’ OĠM mingħajr miżuri ta’ trażżin speċifiċi.
Organiżmi ġenetikament modifikati: bl-użu ta’ tekniki ta’ bijoteknoloġija moderna msejħa teknoloġija tal-ġene, il-kompożizzjoni ġenetika ta’ ċelluli ħajjin u ta’ organiżmi tista’ tiġi mmodifikata. Dan jippermetti lill-bniedem sabiex jikkultiva pjanti u jrabbi annimali li jistgħu, pereżempju, ikollhom produzzjoni ogħla jew jifilħu aktar għall-mard.
Koeżistenza: l-eżistenza ta’ għelejjel ġenetikament modifikati, konvenzjonali u organiċi teħtieġ regoli sabiex jiġi żgurat li dawn jistgħu jinżammu segregati minn xulxin matul il-kultivazzjoni, il-ħsad, it-trasport, il-ħżin u l-ipproċessar.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u li tħassar id-Direttiva 90/220/KEE tal-Kunsill - Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 106, 17.4.2001, pp. 1-39)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/18/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/204/KE tat-23 ta’ Frar 2004 li tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-operazzjoni tar-reġistri għar-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar modifiki ġenetiċi f’OĠM, prevista fid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 65, 3.3.2004, pp. 20-22)

Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, pp. 1-23)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u t-traċċabilità ta’ prodotti ta’ ikel u għalf prodotti minn organiżmi ġenetikament modifikati u li temenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, pp. 24-28) Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (ĠU L 287, 5.11.2003, pp. 1-10)

l-aħħar aġġornament 11.12.2017

Top