RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Regoli ġenerali: sigurtà tal-prodotti

Il-leġiżlazzjoni Ewropea tassigura protezzjoni għolja u uniformi tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi. Il-prodotti kkumerċjalizzati fis-suq intern huma soġġetti għal rekwiżiti ġenerali ta’ sigurtà. L-Unjoni Ewropea (UE) waqqfet ukoll sistema ta’ twissija bikrija (RAPEX) għall-prodotti li jippreżentaw riskju serju għall-konsumaturi.

ATT

Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/95/KE tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [Ġurnal Uffiċjali L 11, ta' 15.1.2002].

SINTEŻI

Din id-Direttiva tapplika fin-nuqqas ta’ regolamenti speċifiċi Ewropej li jirregolaw is-sigurtà ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti, jew meta dawn ir-Regolamenti speċifiċi (settorjali) ikollhom xi nuqqasijiet. Barra minn hekk, hija tapplika wkoll mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 85/374/KEE dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi.

Obbligu ġenerali ta’ sigurtà

Id-Direttiva timponi obbligu ġenerali ta’ sigurtà għal kull prodott imqiegħed fis-suq, maħsub għall-konsumaturi jew li x’aktarx jintuża mill-konsumaturi, inklużi l-prodotti użati mill-konsumaturi bħala parti minn servizz. Il-prodotti użati li għandhom valur bħala antikitajiet jew bħala prodotti li jridu jissewwew m’humiex soġġetti għal dan l-obbligu.

Prodott sigur huwa dak li ma jippreżenta l-ebda riskju, jew li jippreżenta biss riskji minimi (kompatibbli mal-użu tal-prodott) u aċċettabbli fir-rigward ta’ livell għoli tal-protezzjoni għas-sigurtà u s-saħħa tal-persuni.

Prodott ikun meqjus sigur, jekk jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà previsti mil-liġi Ewropea, jew fin-nuqqas ta’ tali regoli, jekk jissodisfa r-regolamenti nazzjonali speċifiċi tal-Istat Membru dwar is-suq. Il-prodott jitqies ukoll sigur jekk ikun konformi ma’ standard Ewropew stabbilit skont il-proċedura ta’ din id-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ regolamenti jew standards bħal dawn, il-konformità ta’ prodott tiġi evalwata skont:

  • l-istandards nazzjonali volontarji (li jittrasponu standards oħrajn rilevanti Ewropej), ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni (li jiffissaw il-linji gwida dwar l-istima tas-sigurtà tal-prodott);
  • l-istandards ta’ produzzjoni jew ta’ tqegħid fis-suq tal-Istat Membru;
  • il-kodiċijiet ta’ kondotta tajba tas-saħħa jew tas-sigurtà;
  • l-iprem għarfien jew teknoloġija;
  • l-aspettattivi ta’ sigurtà tal-konsumatur.

L-obbligi tal-produtturi u tad-distributuri

Il-produtturi għandhom iqiegħdu fis-suq prodotti li jissodisfaw l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà. Barra minn hekk, dawn għandhom:

  • jipprovdu lill-konsumaturi bit-tagħrif rilevanti li jgħinhom jistmaw ir-riskji, meta dawn ir-riskji ma jkunux ovvji immedjatament;
  • jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw dawn ir-riskji (eż: l-irtirar tal-prodotti mis-suq, twissijiet lill-konsumaturi, ġbir lura mingħand il-konsumaturi ta’ prodotti diġà pprovduti, eċċ.).

Id-distributuri huma wkoll meħtieġa li:

  • jipprovdu prodotti li jissodisfaw l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà;
  • isegwu s-sigurtà tal-prodotti mqiegħda fis-suq;
  • jipprovdu d-dokumenti meħtieġa li jassiguraw it-traċċabbiltà tal-prodotti.

Meta l-produtturi jew id-distributuri jinnutaw li prodott ikun perikoluż, dawn għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti u jikkollaboraw magħhom, jekk ikun meħtieġ. Dan l-obbligu ta’ informazzjoni huwa elaborat aktar fl-Anness I għad-Direttiva.

L-obbligi tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-produtturi u d-distributuri jirrispettaw l-obbligi tagħhom. Huma għandhom jistabbilixxu strutturi li jkunu responsabbli:

  • għall-kontroll tal-konformità tal-prodotti mal-obbligu ta’ sigurtà;
  • għat-teħid ta’ azzjonijiet xierqa fil-każ ta’ prodotti ta’ riskju (eż: il-projbizzjoni tal-bejgħ) u li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli sabiex jippenalizzaw il-ksur u jaraw li l-konsumaturi jibbenefikaw minn sistema ta’ segwitu tal-ilmenti.

Ir-rwol tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà għad-definizzjoni tal-mandati tal-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni u tippubblika f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ir-referenzi tal-istandards Ewropej li jgħinu fl-istabbiliment tal-konformità mal-obbligu ġenerali ta’ sigurtà. Hija tmexxi s-sistema ta’ twissija bikrija RAPEX u tista’ tadotta “miżuri urġenti” b’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Is-sistema RAPEX : interventi rapidi għall-prodotti li jippreżentaw riskju serju

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-prodotti li jippreżentaw riskju serju għas-saħħa u s-sigurtà. Huma għandhom jieħdu miżuri ta’ interventi rapidi sabiex iħarsu lill-konsumaturi. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih permezz ta' sistema RAPEX (EN). Din is-sistema hija mezz ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Hija tippermetti t-tnaqqis jew il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ prodotti perikolużi. Il-proċeduri dwar kif taħdem is-sistema RAPEX huma deskritti fl-Anness II għad-Direttiva.

Il-prodotti tal-ikel, tal-farmaċewtika u tal-mediċina huma ġestiti minn sistemi ta’ intervent oħrajn.

F’każ ta’ użu tas-sistema RAPEX, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni it-tagħrif minimu li ġej:

  • it-tagħrif li jippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott;
  • id-deskrizzjoni tar-riskju li jippreżenta l-prodott kif ukoll kwalunkwe dokument li jippermetti l-evalwazzjoni tiegħu;
  • il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà;
  • it-tagħrif dwar it-tqassim tal-prodott.

Fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni tista’ wkoll timplimenta azzjonijiet rapidi meta jkollha għarfien ta’ riskju serju minn prodott. Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, hija tista’ tadotta deċiżjonijiet validi għal sena u li jistgħu jiġġeddu għal perijodi tal-istess tul ta’ żmien. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu:

  • jimponu rekwiżiti speċifiċi ta’ sigurtà;
  • jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti sustanzi; kif ukoll
  • jobbligaw lill-manifatturi jwaħħlu twissijiet fuq il-prodotti tagħhom.

Komitoloġija

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat regolatorju dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsum, fit-teħid ta’ “miżuri urġenti” u ta’ deċiżjonijiet dwar l-istandards.

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna wkoll minn kumitat konsultattiv dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsum għall-aspetti l-oħrajn li jirrigwardaw id-Direttiva.

Trasparenza

L-informazzjoni dwar ir-riskji ppreżentati mill-prodotti għandha tingħata lill-pubbliku. Is-sigriet professjonali huwa limitat biss għall-każijiet iġġustifikati kif xieraq.

Kuntest

Din id-Direttiva twieġeb għar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tad-29 ta’ Marzu 2000, dwar l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/59/KEE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti. Hija tirrevoka d-Direttiva 92/59/KEE (DE) (EN) (ES) (FR) dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, mill-15 ta’ Jannar 2004.

REFERENZI

Att Dħul fis-seħħ Traspożizzjoni fl-Istati Membri Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2001/95/KE [adozzjoni: kodeċiżjoni COD/2000/0073]

15.1.2002

15.1.2004

ĠU L 11, 15.1.2002

Att(i) li jemenda(w) Dħul fis-seħħ Traspożizzjoni fl-Istati Membri Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 765/2008

1.1.2010

ĠU L 218, 13.8.2008

Regolament (KE) Nru 596/2009

7.8.2009

ĠU L 188, 18.7.2009

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) [Ġurnal Uffiċjali C 38, 17.2.2009].
Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-titoli u r-referenzi tal-istandards armonizzati mid-Direttiva 2001/95/KE.

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/95/KE tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [COM(2008) 905 finali - Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].
L-effikaċja tal-qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-prodotti żdiedet minn meta ġiet implimentata d-Direttiva 2001/95/KE. Is-sistema Ewropea ta’ informazzjoni u ta’ twissija għenet sabiex jiġu rtirati għadd kbir ta’ prodotti perikolużi mis-suq. Ċerti aspetti jistgħu madankollu jitjiebu sabiex jiżguraw il-ħarsien sħiħ tal-konsumaturi. Dan ir-rapport jidentifika xi prijoritajiet fl-oqsma:

  • tas-sigurtà tal-prodotti ta’ konsum, b’mod speċjali mill-aspett ta’ traċċabbiltà, billi jissaħħaħ l-obbligu ta’ identifikazzjoni tal-prodotti, tal-produttur jew tad-distributur;
  • tal-kontroll tas-suq minn naħa, permezz ta’ koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri bbażata fuq l-iskambji ta’ tagħrif u ta’ prattika tajba (inkluż ta’ kooperazzjoni doganali). U min-naħa l-oħra, permezz tal-ftuħ tas-sistema RAPEX għas-sehem ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew nazzjonali ta’ pajjiżi terzi;
  • tal-istandardizzazzjoni, permezz tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri li jirrigwardaw ċerti kategoriji ta’ prodotti, u bl-istabbiliment ta’ preżunzjoni ta’ konformità ta’ dawn l-istandards mal-ħtiġijiet ġenerali ta’ sigurtà;
  • tal-miżuri urġenti li jittieħdu bħala parti mis-sistema ta’ twissija bikrija li jistgħu jsiru definittivi sabiex wieħed jasal għall-irtirar tal-prodotti perikolużi;

L-ambitu tad-Direttiva 2001/95/KE ikopri wkoll is-sigurtà tas-servizzi pprovduti lill-konsumaturi. It-traspożizzjoni tagħha saret fl-Istati Membri kollha.

RAPEX

Id-Deċiżjoni 2010/15 tas-16 ta’ Diċembru 2009 li tistabbilixxi l-linji gwida għall-immaniġġjar tas-Sistema tal-Informazzjoni Rapida tal-Komunità (RAPEX) u tal-proċedura ta’ notifika stabbiliti rispettivament skont l-Artikolu 12 u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/95/KE (id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti) [Ġurnal Uffiċjali L 22, 26.1.2010].
Il-Kummissjoni tadotta linji gwida ġodda li għandhom jiffaċilitaw il-ġestjoni tas-sistema RAPEX u l-proċedura ta’ notifika tal-prodotti perikolużi. Dawn il-linji gwida huma maħsuba għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-suq.

Plejers personali tal-mużika

Deċiżjoni 2009/490/KE tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ġunju 2009 dwar rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal plejers personali tal-mużika skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) [Ġurnal Uffiċjali L 161, 24.6.2009].
Il-Kummissjoni stabbiliet rekwiżit ta’ sigurtà maħsub sabiex jevita li l-livelli ta’ ħsejjes tal-plejers personali tal-mużika jikkawżaw ħsara fis-sens ta’ smigħ tal-konsumaturi li jagħmlu użu minnhom f’kundizzjonijiet ta’ użu previsti b’mod raġonevoli. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi kkunsidrat waqt it-tfassil u l-manifattura tal-plejers personali tal-mużika Huwa meħtieġ għad-definizzjoni ta’ standards xierqa mill-korpi ta’ standardizzazzjoni. Għandhom jitwaħħlu wkoll twissijiet fuq il-prodotti sabiex il-konsumaturi jiġu mħarsa mir-riskji eżistenti.

LAJTERS

Deċiżjoni 2009/298/KE tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2009 li testendi l-validità tad-Deċiżjoni 2006/502/KE li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li fis-suq jitqiegħdu biss lajters li huma reżistenti għat-tfal u li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ lajters innovattivi (novelty lighters) [notifikata taħt id-dokument Nru C(2009) 2078] (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

Deċiżjoni 2006/502/KE (emendata mid-Deċiżjonijiet 2007/231/KE u 2008/322/KE) tal-11 ta’ Mejju 2006 li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li fis-suq jitqiegħdu biss lajters li huma reżistenti għat-tfal u li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ lajters innovattivi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) [Ġurnal Uffiċjali L 198, 20.7.2006].
Użu ħażin tal-lajters – bħala ġugarelli – minn tfal żgħar jikkawża bejn 1 500 u 1 900 korriment u bejn 34 u 40 mewt fis-sena fl-UE. Biex jiġu evitati inċidenti bħal dawn, jeżistu mekkaniżmi ta’ sigurtà għat-tfal li l-użu tagħhom ilu obbligatorju fl-Istati Uniti, fil-Kanada, fl-Awstralja u fi New Zealand għal dawn l-aħħar għaxar snin. L-istabbiliment ta’ rekwiżiti ta’ sigurtà għat-tfal fl-Istati Uniti wassal għal tnaqqis ta’ 60 % fl-għadd ta’ inċidenti.
Sabiex tevita inċidenti ġodda, il-Kummissjoni adottat, fil-11 ta’ Mejju 2006, id-Deċiżjoni 2006/502/KE li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri bl-għan li l-lajters li jkollhom apparat ta’ sigurtà kontra l-użu mit-tfal biss jitqiegħdu fis-suq u jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ lajters innovattivi.

Deċiżjoni 2008/357/KE tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2008 dwar rekwiżiti ta’ sikurezza għat-tfal li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal-lajters skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Ġurnal Uffiċjali L 120, tas-7.5.2008].
Ir-rekwiżiti ta’ sigurtà għat-tfal mil-lajters għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE bl-għan li l-korpi ta’ standardizzazzjoni jirrevedu l-istandard EN 13869 u tkun permessa l-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard rivedut fil-Ġurnal Uffiċjali.
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ sigurtà li fuq il-bażi tagħhom il-korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni CEN (Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni) għandu jirrevedi l-istandard EN 13869 dwar is-sigurtà tal-lajters u l-metodi ta’ ttestjar.

SIGARETTI

Deċiżjoni 2008/264/KE tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2008 dwar rekwiżiti ta’ sikurezza kontra n-nar li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għas-sigaretti skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Ġurnal Uffiċjali L 83, tas-26.3.8].
Is-sigaretti li jinxtegħlu u li jitħallew waħedhom jirrappreżentaw riskju kbir għas-sigurtà tal-konsumaturi. Huwa stmat li madwar 1000 persuna tmut fis-sena fil-Komunità Ewropea minħabba dan. Madankollu hemm tekniki li jdewmu l-ħruq, jew saħansitra jitfuh għal kollox, permezz tal-inklużjoni ta’ strixxi ta’ karti spazjati fil-karta tas-sigaretti. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ din it-teknika, in-nar tas-sigarett li jitħalla waħdu jintefa fil-parti l-kbira tal-każijiet minħabba nuqqas ta’ arja.
Din id-deċiżjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ sigurtà li fuq il-bażi tagħhom il-korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni CEN (Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni) issodisfa t-talba ta’ adozzjoni ta’ standard biex tonqos il-propensità tal-qbid tas-sigaretti. Dan l-obbligu ta’ sigurtà tas-sigaretti huwa bbażat fuq id-Direttiva 2001/95/KE.
L-effikaċja tal-istandard għandha tkun ivverifikata permezz tal-kontroll ta’ kampjuni ta’ sigaretti mqiegħda fis-suq, bl-għan ta’ massimu ta’ 25 % ta’ sigaretti li jinħarqu kompletament.

TRABI U TFAL ŻGĦAR

Deċiżjoni 2010/9/UE tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għas-sedili tal-banju, strumenti awżiljarji tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [notifikata bid-dokument Nru C(2009) 10290] (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).
Il-prodotti maħsuba għall-ħasil tat-trabi u tat-tfal żgħar għandhom ikunu konformi mar-rekwiżit ġenerali ta’ sigurtà tal-prodotti. Għal dan il-għan il-korpi Ewropew ta’ standardizzazzjoni għandhom jistabbilixxu standards ta’ sigurtà rigward:

  • is-sedili tal-banju: li jintużaw biss għat-tfal li jkunu kapaċi joqgħodu bilqiegħda, iżda li ma jafux joqgħodu bilwieqfa;
  • l-aċċessorji li jgħinu fil-ħasil: li jintużaw sabiex iżommu lit-tfal f’pożizzjoni mimduda jew minn tulhom, mit-twelid tagħhom sakemm ikunu jafu joqgħodu waħedhom;
  • il-banjijiet li jintużaw bejn it-twelid u t-tnax-il xahar: jiġifieri l-prodotti li jitqiegħdu fil-banju jew li jitwaħħlu mal-ġenb tal-banju l-kbir, imqiegħda fl-art jew fuq xi saqajn ta’ appoġġ.

Deċiżjoni 2010/11/UE tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal apparati tal-illokkjar għal twieqi u bibien ta’ gallariji li ma jistgħux jinfetħu mit-tfal u mmuntati mill-konsumatur skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [notifikata bid-dokument Nru C(2009) 10298] (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).
Ċertu apparat li jintuża sabiex jostakola l-passaġġ tat-tfal quddiem xi tieqa jew xi bieb ieħor jinbiegħ f’biċċiet separati “li għandhom jingħaqdu mill-konsumatur”. Standards Ewropej speċifiċi ta’ sigurtà għandhom ikunu adottati għal dawn il-mekkaniżmi, maħsuba għat-tfal ta’ inqas minn 51 xahar.

PRODOTTI BIJOĊIDI

Deċiżjoni 2009/251/KE tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2009 li titlob lill-Istati Membri jiżguraw li prodotti li fihom il-bijoċida dimethylfumarate ma jitqiegħdux jew ikunu disponibbli fis-suq [Ġurnal Uffiċjali L 74, 20.3.2009] (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).
Id-dimethylfumarate (DMF) huwa prodott bijoċida li jintuża għall-konservazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ konsum matul il-ħażna jew it-trasport tagħhom (għamara, żraben, ħwejjeġ tal-ġilda, eċċ.). Id-DMF jista’ jikkawża reazzjonijiet serji fil-ġilda (dermatite mill-kuntatt), l-effetti ħżiena tiegħu ġew iddeterminati minn studji kliniċi.
Mill-1 ta’ Mejju 2009, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bejgħ u d-disponibbiltà tal-prodotti li fihom DMF ikunu pprojbiti. Il-prodotti diġà disponibbli fis-suq għandhom jiġu rtirati u l-konsumaturi għandhom ikunu informati dwar ir-riskji marbuta ma’ dawn il-prodotti. “Prodott li fih DMF” fih aktar minn 0.1 mg DMF għal kull kg tal-prodott jew għal kull kg ta’ element tal-prodott.Id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta’ Marzu 2010, u tista’ tiġġedded jekk ikun meħtieġ.

L-aħħar aġġornament: 10.02.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna