EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sikurezza kontra n-nirien fil-lukandi eżistenti

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 86/666/KEE dwar is-sikurezza kontra n-nirien fil-lukandi eżistenti

X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONI?

  • Din għandha l-għan li tiddefinixxi livell minimu ta’ sikurezza kontra n-nirien fil-lukandi kollha fil-pajjiżi tal-UE.
  • Hija tirrakkomanda lill-pajjiżi tal-UE jieħdu serje ta’ azzjonijiet biex jiżguraw li l-lukandi jissodisfaw dawn l-istandards.

PUNTI EWLENIN

Prekawzjonijiet

Qed jiġi rrakkomandat lill-pajjiżi tal-UE sabiex jintroduċu prekawzjonijiet għal kontra n-nirien sabiex jissodisfaw erba’ objettivi:

  • li jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju tan-nirien;
  • jipprevjenu li jinfirxu l-fjammi u d-duħħan;
  • jiżguraw li l-okkupanti kollha jistgħu jiġu evakwati b’mod sigur;
  • jippermettu lis-servizzi ta’ emerġenza jieħdu azzjoni.

Prinċipji

Il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li l-lukandi huma suġġetti għal regoli bbażati fuq serje ta’ prinċipji. Dawn jinkludu:

  • rotot ta’ evakwazzjoni siguri għandhom ikunu disponibbli, mhux ostakolati u mmarkati b’mod ċar;
  • il-bini għandu jkun strutturalment stabbli fil-każ ta’ nar — għallinqas għal kemm huwa neċessarju biex l-okkupanti jiġu evakwati b’mod sigur;
  • il-preżenza jew l-użu ta’ materjali fjammabbli ħafna fil-kisi tal-ħitan, tas-soqfa u tal-art u t-tiżjin intern għandu jkun limitat;
  • għandhom jiġu installati sistemi ta’ twissija u dawn għandhom ikunu jaħdmu bis-sħiħ;
  • il-persunal għandu jingħata struzzjonijiet u taħriġ xierqa.

Linji gwida tekniċi

L-anness għar-rakkomandazzjoni fih linji gwida tekniċi. Dawn huma relatati b’mod partikolari mal-elementi li ġejjin:

  • il-post fejn ikunu jinsabu r-rotot ta’ evakwazzjoni u s-sinjali tagħhom;
  • il-kostruzzjoni tal-bini;
  • il-kisi u t-tiżjin;
  • is-sistemi tal-elettriku, tisħin u ta’ ventilazzjoni;
  • it-tagħmir għat-tifi tan-nar, ta’ allarm u ta’ twissija; u
  • l-istruzzjonijiet ta’ sikurezza.

Spezzjonijiet

Il-lukandi għandhom jiġu spezzjonati perjodikament.

Rapport

Fl-2001, kif previst fir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapport dwar il-miżuri li kienu introduċew il-pajjiżi tal-UE biex japplikawha. Hija nnotat li l-impatt fil-pajjiżi tal-UE differenti kien jiddependi fuq il-livell ta’ protezzjoni li diġà kien fis-seħħ u fuq kif ġiet trasposta l-liġi nazzjonali. F’xi pajjiżi, il-liġijiet nazzjonali diġà kienu jinkludu l-linji gwida tekniċi jew ir-rekwiżiti minimi tar-rakkomandazzjoni jew saħansitra kienu jmorru lil hinn minnhom; madankollu, f’oħrajn, din kienet ġiet biss parzjalment implimentata, peress li kienet applikata biss għall-bini ta’ lukandi ġodda jew għal xogħol fi stabbilimenti eżistenti.

Segwitu

Dwar kwistjoni relatata, il-Kummissjoni ħejjiet rapport fl-2013 dwar ir-regoli eżistenti dwar is-sikurezza ta’ ċerti servizzi lill-konsumaturi fil-livell nazzjonali fl-UE u n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Fost affarijiet oħrajn, din tat ħarsa lejn ir-regoli nazzjonali rispettivi tagħhom dwar is-sikurezza tas-servizzi ta’ akkomodazzjoni għat-turisti.

Fl-2014, saret konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni dwar is-sikurezza tas-servizzi tal-akkomodazzjoni għat-turisti. Wara li pproċessat il-feedback, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm rabta bejn ir-regoli eżistenti fil-pajjiżi tal-UE, in-nuqqas ta’ regolazzjoni fil-livell tal-UE minħabba s-sussidjarjetà u r-riskji għall-konsumaturi.

META TAPPLIKA R-RAKKOMANDAZZJONI?

Din ilha tapplika mit-22 ta’ Diċembru 1986.

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 86/666/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 dwar is-sikurezza kontra n -nirien fil-lukandi eżistenti (ĠU L 384, 31.12.1986, pp. 60–68)

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1986 dwar is-sikurezza konta n-nirien fil-lukandi eżistenti (86/666/KEE) (COM(2001) 348 final tas-27.6.2001)

l-aħħar aġġornament 27.06.2016

Top