RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti — il-marka ta' konformità CE

Din id-deċiżjoni tistabbilixxi prinċipji komuni applikabbli għal-leġiżlazzjoni settorjali kollha matul ir-reviżjoni jew ir-riformulazzjoni tagħha. Din tikkostitwixxi, barra minn hekk, qafas għal-leġiżlazzjoni futura li ser tarmonizza l-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Din tikkontribwixxi biex issaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u ttejjeb il-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

ATT

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 768/2008/KE tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE.

SINTEŻI

Il-qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jistabbilixxi:

  • definizzjonijiet komuni;
  • proċeduri komuni ta' evalwazzjoni tal-konformità tal-prodotti;
  • obbligi għall-operaturi ekonomiċi (manifatturi, importaturi, distributuri eċċ);
  • ir-regoli għall-użu tal-marka “CE”, li b'hekk jippermettu t-tisħiħ tal-fiduċja fil-prodotti kkumerċjalizzati fl-Unjoni;
  • kriterji ta' notifikazzjoni tal-korpi ta' evalwazzjoni tal-konformità;
  • proċeduri ta' salvagwardja.

Il-qafas komuni għandu jservi bħala kaxxa tal-għodda għal regolamenti settorjali futuri li jimmiraw lejn it-tqarrib tal-leġiżlazzjonijiet (armonizzazzjoni). Dan huwa bbażat fuq l-approċċ ġdid li permezz tiegħu l-leġiżlazzjoni tillimita ruħha għall-iffissar tar-rekwiżiti essenzjali u li għandha tirrikorri għal standards armonizzati. B'hekk, l-atti leġiżlattivi settorjali futuri għandhom, safejn ikun possibbli, jużaw l-elementi ddefiniti f'din id-deċiżjoni u jiddefinixxu rekwiżiti essenzjali għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Jekk ikun meħtieġ, il-liġijiet speċifiċi jistgħu madankollu jirrikorru għal soluzzjonijiet oħrajn.

Definizzjonijiet

Din id-deċiżjoni tistabbilixxi definizzjonijiet ċari ta' kunċetti fundamentali, bħal “manifattur”, “distributur”, “importatur”, “standard armonizzat”, “tqegħid fis-suq” u “evalwazzjoni tal-konformità”. L-istabbiliment ta' definizzjonijiet uniċi u espliċiti għandu jippermetti li tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tajba tal-liġijiet futuri f'dan il-qasam.

Obbligi tal-manifattur, tal-importatur u tad-distributur.

Sabiex jiġi kkummerċjalizzat u mqiegħed fis-suq, prodott għandu jkun konformi ma' ċerti rekwiżiti essenzjali. Il-manifattur għandu jiżgura li l-prodott tiegħu jkun konformi mar-rekwiżiti applikabbli, billi jwettaq jew iqabbad lil ħaddieħor iwettaq f'ismu proċedura ta' evalwazzjoni tal-konformità tal-prodott. Meta l-prodott ikun konformi mar-rekwiżiti essenzjali, il-manifattur iwaħħal il-marka “CE” fuq il-prodott u jagħmel dikjarazzjoni ta' konformità “CE”. Il-manifattur għandu jindika ismu, l-attivitajiet tal-kumpanija tiegħu jew il-marka tiegħu kif ukoll l-indirizz tiegħu fuq il-prodott. Huwa għandu jiżgura li l-produzzjoni f'sensiela tibqa' konformi. Il-prodott għandu jkun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni ta' sigurtà, f'lingwa li tinftiehem. F'każ li jkun intervjena korp estern tal-evalwazzjoni tal-konformità, il-manifattur għandu jpoġġi n-numru ta' dan tal-aħħar.

L-importatur u d-distributur għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun issodisfa sew l-obbligi tiegħu, jiġifieri vverifika li l-prodott għandu marka tal-konformità u li jkunu ġew ipprovduti d-dokumenti meħtieġa.

Il-manifatturi (jew il-mandatarji tagħhom), id-distributuri u l-importaturi għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti kull informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott ikkonċernat, sabiex tiġi żgurata t-traċċabilità tal-prodott.

Konformità tal-prodott

Din id-deċiżjoni tiffissa qafas aktar ċar fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konformità. Hija tistabbilixxi serje ta' proċeduri ta' evalwazzjoni tal-konformità (speċifikati fl-Anness) li minn fosthom il-leġiżlatur jista' jagħżel l-aktar waħda adattata.

Tiffissa wkoll ir-regoli u l-kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-marka “KE”, li hija soġġetta għall-prinċipji ġenerali ddefiniti mir-Regolament Nru 765/2008. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tajba tas-sistema li tirregola l-marka “CE” u jipprovdu sanzjonijiet f'każijiet ta' ksur.

Evalwazzjoni tal-konformità

F'ċerti proċeduri ta' evalwazzjoni tal-konformità, l-evalwazzjoni tal-konformità ssir permezz ta' korpi ta' evalwazzjoni tal-konformità, li huma nnotifikati, jiġifieri ddikjarati, lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

Din id-deċiżjoni tistabbilixxi kriterji komuni għan-notifikazzjoni tal-korpi ta' evalwazzjoni tal-konformità. Il-korpi ta' evalwazzjoni tal-konformità għandhom joffru l-garanziji kollha ta' indipendenza, oġġettività, imparzjalità, kunfidenzjalità, u integrità professjonali. Huma għandhom barra minn hekk ikollhom il-kompetenzi u l-mezzi tekniċi meħtieġa biex iwettqu sew il-kompiti fdati lilhom.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi koordinazzjoni u kooperazzjoni adattati bejn il-korpi nnotifikati.

Proċeduri ta' salvagward

Hija prevista proċedura Komunitarja ta' salvagward applikabbli għall-prodotti li jippreżentaw riskju fuq livell nazzjonali. Din tipprevedi b'mod partikolari l-għoti ta' informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. Tista' tiġi attivata f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-Istati Membri dwar il-miżuri meħuda minn wieħed minnhom.

Kuntest

Din id-deċiżjoni tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta' Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet diversi tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità u r-regoli għat-twaħħil u għall-użu tal-marka ta' konformità CE li huma maħsubin sabiex jintużaw fid-direttivi ta' armonizzazzjoni teknika.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħTerminu għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Deċiżjoni Nru 768/2008/KE

9.7.2008

ĠU L 218, 13.8.2008

L-aħħar aġġornament: 25.01.2011
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna