EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Linji gwida għall-kalkoli tal-multi

 

SOMMARJU TA’:

Linji gwida dwar il-metodu tal-kalkoli tal-multi imposti skont ir-Regolament Nru 1/2003

X’INHU L-GĦAN TAL-LINJI GWIDA?

  • Dawn jistabbilixxu l-metodoloġija li għandha tintuża mill-Kummissjoni Ewropea meta tikkalkula l-multi fuq impriżi* li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE li jipprojbixxu:
    • il-kartelli* u prattiki kummerċjali restrittivi oħrajn (l-ex Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — TFUE) u
    • abbużi minn pożizzjoni dominanti (l-ex Artikolu 82 TKE, li sar l-Artikolu 102 tat-TFUE).

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ara s-sommarju), ibbażat fuq l-Artikolu 103 tat-TFUE (l-ex Artikolu 83), jagħti l-Kummissjoni s-setgħat biex tinforza r-regoli tal-kompetizzjoni u biex tagħti multi lill-kumpaniji għall-ksur. Il-linji gwida, li jieħdu post linji gwida preċedenti adottati fl-1998, jimponu multi aktar ħorox fuq ditti li jiksru r-regoli tal-UE li jipprojbixxu l-kartelli u prattiki kummerċjali restrittivi oħrajn.

L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jindika li l-multi għandhom jiġu kkalkolati kemm fir-rigward tal-gravità kif ukoll tat-tul tal-ksur. Il-multi jistgħu jaslu sal-10 % tad-dħul globali tal-grupp korporattiv li tappartjeni lilu l-kumpanija li wettqet il-ksur fis-sena kummerċjali preċedenti.

Biex tilħaq l-għanijiet tagħha li timponi multi li huma għoljin biżżejjed sabiex tikkastiga d-ditti involuti kif ukoll sabiex twaqqaf oħrajn minn prattiki li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra ċerti fatturi bħal:

  • il-valur tal-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi li jirreferi għalih il-ksur;
  • it-tul tal-ksur — il-multa jeħtieġ li tirrifletti n-numru ta’ snin li matulhom ditta pparteċipat fil-ksur sabiex tkun responsabbli b’mod xieraq għall-impatt tagħha fis-suq;
  • il-gravità tal-ksur, b’mod partikolari b’referenza għat-tip ta’ multa u għan-natura tal-imġiba ta’ ksur u ċerti fatturi oħrajn;
  • il-fatturi speċifiċi għal kumpaniji individwali li jistgħu jiġġustifikaw iż-żieda jew in-nuqqas ta’ multa.

Metodoloġija f’żewġ fażijiet

Il-Kummissjoni:

  • 1.

    tiddetermina ammont bażiku tal-multa għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi; u

  • 2.

    tista’ taġġusta dan l-ammont bażiku billi żżidu jew tnaqqsu.

L-ammont bażiku tal-multa

  • L-ammont bażiku jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-valur tal-bejgħ ibbażat fuq il-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin li l-ksur ilu fis-seħħ.
  • Il-perċentwal tal-valur tal-bejgħ jiġi ddeterminat skont il-gravità tal-ksur (in-natura, is-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-ambitu ġeografiku, eċċ.) u jista’ jilħaq it-30 %. Għall-kartelli, li huma fost l-aktar restrizzjonijiet perikolużi tal-kompetizzjoni, il-perċentwal tal-gravità se jiġi stabbilit fin-nofs ta’ fuq tal-medda (minimu ta’ 15%).
  • Il-Kummissjoni tista’ żżid ammont ieħor ma’ dan il-kalkolu inizjali li japplika għall-każijiet tal-kartelli kollha u, għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni, għal ksur ieħor. Dan se jkun bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ annwali, irrispettivament mit-tul tal-ksur. Dan huwa magħruf bħala l-“miżata tad-dħul” u huwa maħsub biex iwaqqaf id-ditti milli jinvolvu ruħhom fi prattiki illegali anke jekk għal perjodu qasir.

Aġġustamenti għall-ammont bażiku tal-multa

  • Il-Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammont bażiku għal impriżi individwali; ’l isfel jekk issib li hemm ċirkustanzi attenwanti, jew ’il fuq fil-każ ta’ ċirkustanzi aggravanti.
  • Persuni li jiksru l-liġi ripetutament jingħataw multa aktar ħarxa. Ditti li jerġgħu jiksru l-liġi jistgħu jaffaċċjaw żieda ta’ 100 % fil-multa tagħhom talli jkunu wettqu ksur fil-passat.
  • Sabiex jiġi żgurat li l-multi għandhom effett deterrenti biżżejjed, il-Kummissjoni tista’ wkoll iżżid multa imposta fuq impriża li għandha dħul mill-bejgħ tal-grupp partikolarment kbir li mhuwiex relatat mal-valur tal-bejgħ affettwat mill-ksur.
  • Il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli ta’ klemenza tal-UE, li jistgħu jnaqqsu, jew jagħtu immunità minn, multi għal impriżi li jirrappurtaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’kartell u l-kooperazzjoni fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
  • Il-multi jistgħu jkomplu jitnaqqsu taħt il-politika tal-Kummissjoni dwar il-ħlasijiet tal-kartelli jew, fi ksur ieħor għajr tal-kartelli, abbażi tal-kooperazzjoni effettiva u tar-rikonoxximent tal-ksur mill-impriża/i.
  • Il-multa massima għal kull ditta hija stabbilita għal 10 % tad-dħul totali tagħha fis-sena kummerċjali preċedenti (ir-Regolament KE Nru 1/2003).

MINN META JAPPLIKAW IL-LINJI GWIDA?

Dawn bdew japplikaw mill-1 ta’ Settembru 2006.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Impriża: kull entità involuta f’attività ekonomika — attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari — irrispettivament mill-istatus legali u l-mod li bih tiġi ffinanzjata, hija kkunsidrata bħala impriża.
Kartell: kartell huwa grupp ta’ kumpaniji simili, indipendenti li jingħaqdu flimkien biex jistabbilixxu l-prezzijiet, jillimitaw il-produzzjoni jew jaqsmu s-swieq jew il-konsumaturi bejniethom.

DOKUMENT EWLIENI

Linji gwida dwar il-metodu tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU C 210, 1.9.2006, pp. 2-5)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 101 (ex Artikolu 81 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 88-89)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 102 (ex Artikolu 82 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 89)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 103 (ex Artikolu 83 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 89-90)

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 298, 8.12.2006, pp. 17-22)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1-25)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 29.05.2020

Top