RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (li qabel kienu l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE)

L-arranġamenti ġodda għall-applikazzjoni tal-proċeduri anti-trust, li kienu introdotti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, huma mfassla biex jiżguraw l-infurzar aktar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) fl-interess tal-konsumaturi u n-negozji, filwaqt li jnaqqsu l-piż amministrattiv ta' ditti li jagħmlu negozju fl-Ewropa. Permezz ta' applikazzjoni deċentralizzata tar-regoli tal-kompetizzjoni u bit-tisħiħ ta' kontroll a posteriori, dan ir-regolament iħaffef ix-xogħol amministrattiv tal-Kummissjoni u b'hekk tkun tista' tikkonċentra r-riżorsi tagħha fuq l-infurzar tal-ksur tal-kompetizzjoni l-aktar serju. Hija sejra żżid ukoll il-parti magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE waqt li tiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva u uniformi tagħha.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [Ara l-att(i) emendatorju(i)].

SOMMARJU

Dan ir-regolament, adottat mill-Kunsill fis-16 ta' Diċembru 2002 u li jimplimenta r-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti mill-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (li qabel kienu l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat tal-KE)), issostitwixxa r-Regolament (KEE) Nru 17/62 (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV) mill-1 ta' Mejju 2004.

Ir-Regolament Nru 17/62 stabbilixxa sistema ta' monitoraġġ ċentralizzat taħt liema, ftehimiet li jistgħu jirrestrinġu u jaffettwaw il-kummerċ bejn pajjiżi tal-UE għandhom, sabiex jikkwalifikaw għal eżenzjoni, jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni. Setgħa esklussiva tal-Kummissjoni li tawtorizza ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat tal-KE wasslet għal numru kbir ta' ftehimiet li jiġu nnotifikati mill-kumpaniji, fatt li dgħajjef l-isforzi għall-promozzjoni ta' applikazzjoni rigoruża u deċentralizzata tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

Bil-għan li jiġu ssimplifikati l-formalitajiet amministrattivi għall-kumpaniji u sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tieħu azzjoni aktar effettiva kontra l-ksur serju tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni nediet, bil-pubblikazzjoni tal-White Paper 1999 (DE) (EN) (ES) (FR) tagħha, proċess twil ta' riforma li rriżulta fil-pubblikazzjoni ta' dan ir-regolament.

Din ir-riforma ġġib magħha t-transizzjoni minn sistema ta' awtorizzazzjoni ċentralizzata mill-Kummissjoni, ibbażata fuq notifika minn qabel għal sistema ta' eċċezzjoni legali li, minħabba li hija bbażata fuq l-applikazzjoni deċentralizzata tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u t-tisħiħ ta' kontroll a posteriori, tħaffef l-ammont ta' xogħol tal-Kummissjoni u żżid l-irwol ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-qrati fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, filwaqt li tiggarantixxi li tiġi applikata b'mod effettiv u uniformi.

Ambitu

Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar ftehimiet, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattiċi miftiehma li jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni (Artikolu 101 tat-TFUE) u l-abbużi minn pożizzjoni dominanti (Artikolu 102 tat-TFUE).

Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u qrati tal-pajjiżi tal-UE

L-effett dirett tas-sistema ta' eċċezzjoni legali stabbilita b'dan ir-regolament huwa li tiżdied ir-responsabbiltà tal-impriżi minħabba li, billi dawn m'għadhomx soġġetti għal ħtieġa ta' notifika minn qabel, huma se jkollhom jiżguraw in bona fede li ftehimiet ma jaffettwawx il-kompetizzjoni libera u ma jiksrux regoli tal-UE f'dan il-qasam. Madankollu, sabiex jiġi evitat kwalunkwe abbuż, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Ewropa — inkluż il-Kummissjoni - u l-qrati nazzjonali ser ikunu huma stess li jassumu responsabbiltà akbar fl-iżgurar li jkun hemm konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, filwaqt li jikkoordinaw l-attivitajiet rispettivi tagħhom. Għal dan il-għan, huma meħtieġa sforzi biex jinkoraġġixxu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet varji.

Biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Ewropa, ir-regolament jipprovdi għall-ħolqien ta' netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni li jikkonsisti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u mill-Kummissjoni. Fi ħdan dan in-netwerk, jista' jseħħ skambju ta' informazzjoni, inkluż ta' informazzjoni kunfidenzjali, li jista' jgħin fl-infurzar tal-ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-aktar dokumenti importanti u, fuq talba tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, tipprovdi kwalunkwe dokument neċessarju għal stima tal-każ segwit minnha. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma responsabbli biex jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni ta' projbizzjoni jew impenn relatat/a mal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u bi kwalunkwe deċiżjoni li tirtira l-benefiċċju ta' regolament ta' eżenzjoni blokk mhux aktar tard minn tletin jum qabel ma jiġi adottat.

Biex tiġi evitata kwalunkwe sovrapożizzjoni u biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u koerenti tal-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea, ir-regolament isostni r-regola li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma meħlusa awtomatikament mill-kompetenzi tagħhom jekk il-Kummissjoni tibda l-proċeduri proprji tagħha. Madankollu, din tal-aħħar tintrabat li tikkonsulta lill-awtorità nazzjonali in kwistjoni qabel tibda l-proċeduri. Barra minn hekk, meta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' pajjiż tal-UE jew il-Kummissjoni tirċievi xi ilment li jikkonċerna ftehim, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta' impriżi jew prattika miftiehma li hija jew li ġiet ittrattat minn awtorità tal-kompetizzjoni oħra, hija tista' tissospendi l-proċeduri tagħha jew tiċħad l-ilment.

Min-naħa tagħha, qabel ma tieħu deċiżjoni li tordna li ksur jinġieb fit-tmiem, li tagħmel l-impenji offruti mill-impriżi obbligatorji, li l-Artikolu 101(1) tat-TFUE jinstab inapplikabbli jew li tiġi imposta multa jew li jiġi impost ħlas ta' penali perjodiku fuq impriżi, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti f'waħda mil-laqgħat tiegħu jew bi proċedura bil-miktub. Dan il-Kumitat, magħmul minn rappreżentanti ta' awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, iservi bħala forum għal diskussjoni tal-każijiet li jkunu qegħdin jiġu ttrattati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni varji fl-Ewropa.

Finalment, rigward il-kooperazzjoni li għandha teżisti bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali, ir-regolament jistabbilixxi li l-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu lil Kummissjoni biex tagħtihom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Barra minn hekk, pajjiżi tal-UE jintrabtu li jgħaddu lill-Kummissjoni kopja ta' kull sentenza bil-miktub tal-qrati nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE. Dan ir-regolament jagħmel ukoll dispożizzjoni għall-Kummissjoni u għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali biex jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jew b'mod orali lill-qrati nazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 jew 102 tat-TFUE.

Setgħat tal-Kummissjoni Ewropea

Sabiex tiżgura li r-regoli dwar il-kompetizzjoni li jikkonċernaw ftehimiet, deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattiċi restrittivi (Artikolu 101) u l-abbużi ta' pożizzjoni dominanti (Artikolu 102), li jistgħu jkunu antikompetittivi, jiġu applikati, il-Kummissjoni għandha numru ta' setgħat sabiex tieħu deċiżjonijiet, tmexxi investigazzjonijiet u timponi pieni. Hija teżerċita dawn is-setgħat meta, wara xi ilment, jew fuq inizjattiva tagħha stess, hija tikkunsidra, f'każ partikolari, li kien hemm ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE.

Taħt dan ir-regolament, il-Kummissjoni tkun tista' tieħu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

  • deċiżjoni li ssib u ttemm ksur: jekk il-Kummissjoni ssib li jkun hemm ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE, din tista' tadotta deċiżjoni li teħtieġ li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi kkonċernati jġibu l-ksur fit-tmiem jew li jinstab li l-ksur ikun ġie mitmum;
  • deċiżjoni li tordna miżuri provviżorji: f'każijiet ta' urġenza ġġustifikata, il-Kummissjoni, li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess, tista', fuq il-bażi ta' konstatazzjoni prima facie ta' ksur, tordna miżuri provviżorji;
  • deċiżjoni li tagħmel impenji vinkolanti: fejn il-Kummissjoni biħsiebha tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-tmiem u fejn l-impriża kkonċernata toffri impenni sabiex tissodisfa t-tħassib tagħha, hija tista' tagħmel dawn il-kundizzjonijiet vinkolanti għal perjodu speċifikat. Hija tista' terġa' tiftaħ il-proċedimenti jekk il-fatti tal-każ jinbidlu, l-impriżi jaġixxu kontra l-impenji tagħhom jew id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni mhux sħiħa, inkorreta jew qarrieqa;
  • deċiżjoni li tikkonstata li l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE mhumiex applikabbli: il-Kummissjoni tista', għal raġunijiet ta' interess pubbliku tal-UE, issib li, fuq il-bażi tal-fatti li hija tkun konxja tagħhom, l-Artikolu 101 ma japplikax għal ftehim, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta' impriżi jew prattika miftiehma jew għaliex il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) ma ġewx issodisfati jew għaliex il-kundizzjonijiet għal deroga taħt l-Artikolu 101(3) ġew issodisfati. Hija tista' tagħmel l-istess għal każijiet ta' pożizzjonijiet dominanti, kif imsemmi fl-Artikolu 102.

Sabiex jiġi żgurat id-dritt xieraq ta' difiża, il-Kummissjoni, qabel ma tieħu deċiżjoni, tagħti lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta' impriżi in kwistjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar l-aspetti li hija tkun qed tagħmel objezzjoni għalihom. Il-partijiet ikkonċernati għandhom ukoll id-dritt ta' aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni, sakemm dan ma jirriżultax f'li jiġu żvelati sigrieti tan-negozju. Madankollu, sabiex titħares is-segretezza professjonali, kull informazzjoni miġbura tista' tintuża biss għall-għan li għalih tkun ġiet akkwistata. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma wkoll taħt obbligu li ma jikxfux kwalunkwe informazzjoni li jkunu kisbu jew skambjaw.

Il-Kummissjoni għandha l-poteri ta' investigazzjoni li ġejjin:

  • tmexxi inkjesti settorjali: fejn it-tendenza tal-kummerċ bejn pajjiżi tal-UE, ir-riġidità tal-prezzijiet, jew ċirkostanzi oħra, jissuġġerixxu li l-kompetizzjoni tista' tkun qiegħda tiġi ristretta jew imfixkla fis-suq komuni, il-Kummissjoni tkun tista' tmexxi inkjesta fis-settur partikolari tal-ekonomija jew f'tip partikolari ta' ftehim madwar setturi varji;
  • titlob informazzjoni: il-Kummissjoni tista', permezz ta' talba sempliċi jew permezz ta' deċiżjoni, titlob lill-impriżi u lil assoċjazzjonijiet ta' impriżi biex jipprovdu kull informazzjoni li tkun teħtieġ biex twettaq id-dmirijiet assenjati lilha minn dan ir-regolament; kull persuna naturali jew ġuridika li jista' jkollha informazzjoni utli hija meħtieġa tipprovdi kull informazzjoni mitluba minnha; il-Kummissjoni tista' wkoll titlob lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kwalunkwe tagħrif li tkun teħtieġ sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha;
  • tagħmel dikjarazzjonijiet: il-Kummissjoni tista' tintervista lil kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika li tagħti l-kunsens tagħha li tiġi intervistata;
  • twettaq spezzjonijiet: il-Kummissjoni tista' tagħmel kwalunkwe spezzjoni meħtieġa fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi, u dawn tal-aħħar huma meħtieġa li jissottomettu ruħhom għal spezzjonijiet bħal dawn; għal dan il-għan, l-uffiċjali tagħha għandhom is-setgħa li:
    • jidħlu fil-bini, fl-art u fil-mezzi tat-trasport ta' impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi;
    • jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezzi tat-trasport oħra ta' impriżi u ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi, inkluż id-djar tad-diretturi, maniġers jew membri tal-persunal oħrajn, jekk ikun jeżisti suspett raġonevoli li l-kotba jew rekords oħra relatati mal-kummerċ u mas-suġġett tal-ispezzjoni jistgħu jinżammu hemmhekk;
    • jeżaminaw il-kotba u reġistri oħra relatati man-negozju;
    • jieħdu kopji jew siltiet minn kotba jew reġistri;
    • jagħlqu kwalunkwe post tan-negozju u kotba jew reġistri għall-perjodu tal-ispezzjoni;
    • jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi għal informazzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet tagħhom.

L-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu l-ispezzjonijiet jeżerċitaw il-poteri tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-penali possibbli. Fi żmien tajjeb qabel ma jsir dan, il-Kummissjoni għandha tavża bl-ispezzjoni lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-pajjiż tal-UE kkonċernat. L-awtorità tal-kompetizzjoni ta' pajjiż tal-UE tista', fit-territorju tagħha stess, twettaq kull miżura taħt il-liġi nazzjonali f'isem u akkont tal-awtorità tal-kompetizzjoni ta' pajjiż ieħor tal-UE jew, fuq talba tal-Kummissjoni twettaq spezzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE.

Il-Kummissjoni tista' timponi l-penali li ġejjin fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi:

  • Multi: Il-Kummissjoni tista' timponi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi multi li ma jaqbżux il-1 % tal-fatturat totali fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, intenzjonalment jew b'negliġenza:
    • huma jipprovdu informazzjoni inkorretta, mhux sħiħa jew qarrieqa fi tweġiba għal talba jew ma jipprovdux informazzjoni fil-limitu ta' żmien meħtieġ;
    • jipproduċu l-kotba meħtieġa jew reġistri oħra relatati man-negozju f'forma mhux sħiħa matul l-ispezzjonijiet jew jirrifjutaw li jissottomettu għall-ispezzjonijiet li jkunu ġew ordnati;
    • huma jirrifjutaw li jwieġbu għal mistoqsija matul spezzjoni jew iwieġbu b'mod mhux eżatt, b'mod mhux sħiħ jew b'mod qarrieqi;
    • siġilli mwaħħla mill-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni jkunu tkissru.

Il-Kummissjoni tista' wkoll timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi, ta' mhux aktar minn 10 % tal-fatturat totali realizzat fis-sena kummerċjali preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fejn huma jiksru l-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE, imorru kontra deċiżjoni li tordna miżuri provviżorji jew jonqsu milli jikkonformaw ma' impenn magħmul obbligatorju permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Fl-iffissar tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-gravità u t-tul tal-ksur. Meta tiġi mposta multa uq assoċjazzjoni ta' impriżi u l-assoċjazzjoni tkun falluta, il-Kummissjoni tista' titlob ħlas minn kull waħda mill-impriżi li kienet membru tal-assoċjazzjoni fil-mument tal-ksur. Ir-responsabbiltà finanzjarja ta' kull impriża ma tistax taqbeż 10 % tal-fatturat totali tagħha fis-sena kummerċjali preċedenti. Deċiżjonijiet li jimponu multa ma jaqgħux fl-ambitu tal-liġi kriminali.

  • Pagamenti perjodiċi ta' penali: Il-Kummissjoni tista' timponi wkoll fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi, pagamenti ta' penali perjodiċi li ma jaqbżux 5 % tal-fatturat medju tagħhom ta' kuljum fis-sena kummerċjali preċedenti kuljum u kkalkolati sa mid-data maħtura mid-deċiżjoni, sabiex iġġiegħlhom:
    • itemmu l-ksur;
    • jikkonformaw ma' deċiżjoni li tordna miżuri provviżorji;
    • jikkonformaw ma' impenn magħmul vinkolanti;
    • jipprovdu informazzjoni kompleta u korretta li tkun ġiet mitluba;
    • jaċċettaw li ssirilhom spezzjoni li tkun ordnatilhom.

Fejn l-impriżi jkunu ssodisfaw l-obbligu li l-ħlas perjodiku ta' penali kien maħsub li jsaħħaħ, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tnaqqas l-ammont definittiv.

Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew ħlasijiet penali perjodiċi hija limitata għal perjodu ta' tliet jew ħames snin, jiddependi fuq il-ksur imwettaq. Il-perjodu ta' preskrizzjoni, li jibda fil-ġurnata li fiha jkun sar il-ksur, jiġi interrott minn kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-iskop tal-proċedimenti fir-rigward ta' ksur. Il-perjodu jiġi sospiż sakemm deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta' proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B'kuntrast, il-perjodu ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' penali huwa ta' ħames snin.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u tista' tiddeċiedi kontra deċiżjonijiet mill-Kummissjoni li timponi multa jew ħlas perjodiku ta' penali.

Blokk ta' regolamenti ta' eżenzjoni

Regolamenti differenti jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni fl-oqsma definiti minnhom, li tagħti regolamenti li jiddikjaraw l-Artikolu 101(1) tat-TFUE bħala mhux applikabbli għal ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattiċi miftiehma (blokk ta' regolamenti ta' eżenzjoni). Dawn ir-regolamenti jinkludu:

  • Ir-Regolament (KEE) Nru 19/65 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehimiet u prattiċi miftiehma;
  • Regolament (KEE) Nru 2821/71 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma;
  • Ir-Regolament (KE) Nru 487/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji u prattiċi miftiehma fis-settur tat-trasport bl-ajru;
  • Ir-Regolament (KEE) Nru 1534/91 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni;
  • Ir-Regolament (KE) Nru 246/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (consortia).

Jekk dan il-blokk ta' ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma eżentati madankollu jkollu effetti negattivi li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu, billi jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq xi ilment, jirtiraw il-benefiċċju ta' tali blokk ta' regolamenti ta' eżenzjoni f'każijiet partikolari.

Disposizzjonijiet emendatorji

Dan ir-regolament jemenda r-regolamenti li ġejjin:

  • Ir-Regolament (KEE) Nru 1017/68 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permess tal-passaġġi fuq l-ilma iinterni;
  • Ir-Regolament (KEE) Nru 2988/74 li jikkonċerna l-perjodi ta' limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni;
  • Ir-Regolament (KEE) Nru 4056/86 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat għat-trasport marittimu;
  • Ir-Regolament (KEE) Nru 3975/87 li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru;
  • Ir-Regolamenti (KEE) Nri 19/65, 2821/71 u 1534/91 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma;
  • Ir-Regolament (KEE) Nru 17/62 (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV) li jimplimenta l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat;

Dan ir-regolament jirrevoka r-regolament li ġej:

  • Regulation (EEC) No 141/62 exempting transport from the application of Council Regulation No 17 (Ir-Regolament (KEE) Nru 141/62 jeżenta t-trasport mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17).

REFERENZI

AttDħul fis-seħħSkadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

24.1.2003

ĠU L 1, tal-4.1.2003

Att(i) emendatorju(i)Dħul fis-seħħSkadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Ir-Regolament (KE) Nru 411/2004

9.3.2004

ĠU L 68, tas-6.3.2004

Ir-Regolament (KE) Nru 1419/2006

18.10.2006

ĠU L 269, tat-28.9.2006

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha tintuża biss għal għanijiet ta' referenza.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (Test b' rilevanza għaż-ŻEE) [Ġurnal Uffiċjali L 123, tas-27.4.2004].
Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għal għadd ta' aspetti importanti ta' proċeduri mibdija mill-Kummissjoni, bħal seduti, ilmenti u aċċess għall-fajl. Huwa jissostitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98 tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar is-smigħ tal-partijiet f'ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat tal-KE (issa l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE).
Ara verżjoni kkonsolidata .

L-aħħar aġġornament: 14.03.2011
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna