RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Direttiva “Servizzi tal-media awdjoviżiva (SMA)”

Din id-Direttiva hija maħsuba biex tipprovdi qafas għas-servizzi tal-media awdjoviżiva transkonfinali sabiex jiġi msaħħaħ is-suq intern tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-programmi, u jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni leali.

ATT

Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (Test b’relevanza għaż-ŻEE).

SINTEŻI

Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi dwar il-forniment u l-moviment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva.

Liema huma l-fornituri ta' servizzi tal-media * kkonċernati ?

Din id-direttiva tapplika għall-fornituri tas-servizzi tal-media meta:

  • l-uffiċċju rreġistrat tal-fornitur kif ukoll id-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru;
  • l-uffiċċju rreġistrat u s-servizzi tal-media awdjoviżiva jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti;
  • il-fornitur ta' servizzi jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru, waqt li d-deċiżjonijiet dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva jkunu jittieħdu f'pajjiż terz;
  • il-fornitur ta' servizzi jkun juża konnessjoni li xxandar lil satellita li tinsab fi Stat Membru;
  • il-fornitur ta' servizzi jkun juża kapaċità satellitari ta' Stat Membru.

Sa liema grad tapplika l-libertà tax-xandir?

L-Istati Membri m'għandhomx jostakolaw ix-xandir ta' servizzi tal-media awdjoviżiva provenjenti minn Stati Membri oħrajn, sakemm it-trażmissjonijiet imxandra ma jkunx fihom programmi ta' natura vjolenti jew pornografika li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-minorenni.

Huma b'hekk jistgħu jillimitaw ix-xandira meta jkunu tal-fehma li l-ordni, is-saħħa kif ukoll is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumaturi jkunu jinsabu f'periklu.

Liema huma l-obbligi tas-servizzi tal-media ?

Il-fornituri ta' servizzi tal-media għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi l-informazzjoni li ġejja:

  • isimhom;
  • l-indirizz ġeografiku tagħhom;
  • id-dettalji tagħhom;
  • il-korpi ta' regolazzjoni jew ta' superviżjoni kompetenti.

Protezzjoni tal-minorenni

Sabiex jiġu protetti l-minorenni kontra l-effetti negattivi ta' programmi ta' natura pornografika jew vjolenti, meta tali programmi jiġu mxandra, għandhom jiġu ppreċeduti minn twissija akustika jew identifikati permezz ta' simbolu viżwali li jkun preżenti matul ix-xandira sħiħa tal-programm.

Inċitament tal-mibegħda

Is-servizzi tal-media awdjoviżiva ma jista' jkollhom ebda inċitament tal-mibegħda bbażata fuq ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew in-nazzjonalità.

Aċċessibbiltà tas-servizzi tal-media awdjoviżiva

Il-fornituri għandhom l-obbligu li jtejbu l-aċċessibbiltà tas-servizzi tagħhom għall-persuni li jsofru minn problemi biex jaraw jew biex jisimgħu.

Dritt għall-informazzjoni

L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jiggarantixxu li ċerti avvenimenti, li huma jikkunsidraw li huma ta' importanza kbira għas-soċjetà, ma jkunux jistgħu jixxandru biss fuq bażi esklużiva b'tali mod li tiġi mċaħħda parti sostanzjali tal-pubbliku ta' dak l-Istat Membru. Kull Stat Membru jista' jistabbilixxi lista ta' dawk l-avvenimenti u l-proċeduri li għandhom jiġu implimentati.

Għall-finijiet ta' rapporti qosra tal-aħbarijiet, kull entità tax-xandir televiżiv stabbilita fi Stat Membru għandha d-dritt ta' aċċess għal siltiet qosra ta' avvenimenti ta' interess kbir għall-pubbliku li jkunu s-suġġett ta' xandira esklużiva.

Promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u indipendenti

L-entitajiet tax-xandir televiżiv għandhom jiddedikaw ta' mill-inqas 10 % tal-airtime tagħhom, jew 10 % tal-baġit tagħhom tal-ipprogrammar, għal xogħlijiet Ewropej minn produtturi indipendenti ta' entitajiet ta' xandir televiżiv, bl-esklużjoni tal-ħin iddedikat:

  • għal tagħrif;
  • għal wirjiet sportivi;
  • għal-logħob;
  • għall-pubbliċità;
  • għas-servizzi ta' teletext;
  • għat-teleshopping.

F'dak li jirrigwarda s-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba jippromwovu l-produzzjoni u l-aċċess għal xogħlijiet Ewropej. F'din il-perspettiva, il-fornituri ta' servizzi awdjoviżivi jistgħu jikkontribwixxu finanzjarjament għall-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej, jew jirriżervaw parti u/jew post importanti għal xogħlijiet Ewropej fil-katalgi ta' programmi tagħhom.

Komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva

Il-fornituri ta' servizzi tal-media jipprovdu komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi *. Huma għandhom jirrispettaw ċerti kundizzjonijiet:

  • għandhom ikunu jistgħu jintgħarfu faċilment. Il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi moħbija huma pprojbiti;
  • ma jistgħux jużaw tekniki subliminali;
  • ma jistgħux ikasbru d-dinjità tal-bniedem;
  • ma jistgħux ikunu diskriminatorji;
  • ma jistgħux jinkoraġġixxu aġir li jagħmel ħsara lill-ambjent;
  • ma jistgħux jinkludu messaġġi dwar xorb alkoħoliku mmirati espressament lejn il-minorenni;
  • ma jistgħux jippromwovu prodotti tat-tabakk;
  • ma jistgħux jippromwovu mediċini jew trattamenti mediċi disponibbli biss bir-riċetta tat-tabib;
  • ma jistgħux jikkawżaw preġudizzju morali jew fiżiku lill-minorenni.

Ċerti programmi jew servizzi tal-media awdjoviżiva jistgħu jkunu sponsorjati *. F'dan il-każ, għandhom jissodisfaw tipi ta' rekwiżiti oħrajn:

  • ma jistgħux jippreġudikaw l-indipendenza editorjali tal-fornitur tal-media;
  • ma jistgħux jinċitaw direttament ix-xiri jew il-lokazzjoni ta' prodotti;
  • it-telespettaturi għandhom ikunu infurmati dwar il-ftehim mal-isponsor.

Il-promozzjoni ta' prodott * hija awtorizzata f'ċerti ċirkustanzi u f'ċerti tipi ta' programmi.

Pubbliċità televiżiva u teleshopping

Il-pubbliċità televiżiva u t-teleshopping għandhom jiġu distinti mill-kontenut editorjali permezz ta' mezzi viżwali, akustiċi jew spazjali.

Ix-xandir ta' films (bl-esklużjoni ta' sensieli, episodji u dokumentarji) maħluqa għat-televiżjoni, xogħlijiet ċinematografiċi u aħbarijiet televiżivi jista' jiġi interrott għal slots ta' pubbliċità jew teleshopping, kemm-il darba l-interruzzjoni ssir darba għal kull porzjon ta' trażmizzjoni ta' 30 minuta.

Din id-direttiva tirrevoka d-Direttiva 89/552/KE.

Termini ewlenin tal-Att
  • Fornitur ta' servizzi tal-media : persuna fiżika jew ġuridika li tassumi r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiva u li tiddetermina l-mod kif hija organizzata.
  • Komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva : xbihat, ikkombinati ma' ħsejjes jew le, li jkunu maħluqa biex jippromwovu, direttament jew indirettament, prodotti, servizzi jew ix-xbiha ta' persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita attività ekonomika.
  • Sponsorship: kull kontribuzzjoni ta' impriża pubblika jew privata jew ta' persuna fiżika, li ma teżerċitax attivitajiet ta' fornitur ta' servizzi tal-media jew ta' produzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi, għall-finanzjament ta' servizzi tal-media awdjoviżiva jew ta' programmi, bil-għan li tippromwovi isimha, il-marka tagħha, ix-xbiha tagħha, l-attivitajiet tagħha jew il-prodotti tagħha.
  • Tqegħid ta' prodott : l-inklużjoni ta' prodott, ta' servizz jew ta' marka fi programm permezz ta' ħlas jew konsiderazzjoni oħra.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħTerminu għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Direttiva 2010/13/UE

5.5.2010

-

ĠU L 95, 15.4.2010

L-aħħar aġġornament: 14.06.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna