Il-Fond Soċjali Ewropew (2007–2013)
Sabiex jiġu definiti l-missjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu 2007–2013, ir-regolament attwali jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ tipi ta’ attività li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FSE. L-FSE jsostni l-prijoritajiet tal-Komunità f’dak li jikkonċerna l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, iż-żieda tal-produttività u l-kompetittività u sabiex jiġu mħeġġa t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli. F’dan il-kuntest, l-FSE għandu l-għan li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jtejjeb l-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ xogħol.
ATT
Ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 (ara l-att(i) emendatorju(i)).
SOMMARJU
Għall-perjodu 2007–2013, id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni jistabbilixxu li l-FSE jappoġġja azzjonijiet fil-qafas tal-objettiv “Konverġenza” (għar-reġjuni l-inqas żviluppati) u l-objettiv “Kompetittività reġjonali u l-impjiegi” (li jipprova jantiċipa u jippromwovi l-bidliet ekonomiċi sabiex jilqa’ kontra l-isfidi).
Missjoni
L-FSE jappoġġja l-politiki tal-Istati Membri sabiex jerġa’ jiffoka l-istrateġija ta’ Lisbona fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Dawn il-politiki huwa marbutin mill-qrib mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika (BEPG — Broad Economic Poligy Guidelines), mal-Istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi (EES — European Employment Strategy), kif ukoll mal-linji gwida dwar l-impjiegi. B’mod aktar speċifiku, l-FSE għandu l-għan li:
- jinkiseb il-livell massimu ta’ impjiegi;
- tiżdied il-kwalità u l-produttività tax-xogħol;
- tiġi promossa l-inklużjoni soċjali (l-aktar l-aċċess ta’ persuni żvantaġġati għall-impjiegi);
- jonqsu d-disparitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fir-rigward tal-impjiegi.
Kamp ta’ applikazzjoni u prijoritajiet
Fil-qafas tal-objettivi “Konverġenza” u “Kompetittività reġjonali u l-impjiegi”, l-FSE jappoġġja azzjonijiet fl-Istati Membri taħt il-prijoritajiet li ġejjin :
- żieda fil-kapaċità ta’ adattament tal-ħaddiema, l-impriżi u l-mexxejja tal-impriżi, sabiex jitjiebu l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni pożittiva tal-bidliet ekonomiċi;
- jitjieb l-aċċess għall-impjiegi u għall-inklużjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol ta’ dawk li jfittxu impjieg u tal-persuni inattivi;
- prevenzjoni tal-qgħad, b’mod partikolari l-qgħad għal perjodu fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
- jitħeġġu t-tixjiħ attiv u l-ħajja attiva itwal;
- tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol;
- tisħiħ tal-inklużjoni soċjali tal-persuni żvantaġġati bil-għan li jiġu integrati b’mod sostenibbli fl-impjieg;
- ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol;
- tisħiħ u żieda tal-kapital uman;
- promozzjoni tas-sħubijiet.
Prijoritajiet
Barra minn hekk, fil-qafas tal-objettiv “Konverġenza”, l-FSE jappoġġja l-prijoritajiet li ġejjin:
- investiment akbar fil-kapital uman, b’riformi fis-sistema edukattiva u ta’ taħriġ, parteċipazzjoni akbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja u fl-iżvilupp tal-potenzjal tal-bniedem fil-kamp tar-riċerka u l-innovazzjoni;
- tisħiħ tal-kapaċità u l-effiċjenza istituzzjonali sabiex issir kontribuzzjoni għall-governanza tajba.
Konċentrazzjoni tal-għajnuna
L-Istati Membri jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġjati mill-FSE jkunu konformi mal-azzjonijiet imwettqa taħt l-istrateġija Ewroea għall-impjiegi u jikkontribwixxu għal dan. L-Istati Membri jikkonċentraw l-għajnuna fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet pertinenti fir-rigward tal-impjiegi.
Eliġibilità tal-ispejjeż
Ir-regoli li jikkonċernaw l-eliġibilità tal-ispejjeż huma deċiżi fil-livell nazzjonali. Madanakollu, għall-FSE, l-ispejjeż li ġejjin mhumiex eliġibbli:
- il-VAT rekuperabbli;
- l-imgħax dovut;
- ix-xiri ta’ tagħmir, apparat, vetturi, infrastrutturi, bini u art.
Governanza tajba u sħubija
L-FSE jħeġġeġ il-governanza tajba u s-sħubija. L-appoġġ li jagħti f’dan li-qasam huwa mfassal u implimentat fil-livell territorjali xieraq, billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali b’mod konformi mal-arranġamenti istituzzjonali adatti għal kull Stat Membru. L-Istati Membri jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tal-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni adegwati tal-partijiet interessati oħrajn, fil-livell nazzjonali xieraq, matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu ta-appoġġ tal-FSE.
Kuntest
Id-dispożizzjonijiet l-oħra relatati mal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007–2013 jinstabu f’erba’ regolamenti dwar:
- id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni;
- il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR);
- il-Fond ta’ Koeżjoni;
- ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT).
Fil-livell politiku, il-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 għandha l-bażi finanzjarja tagħha fil-ftehim interistituzzjonali u l-qafas finanzjarju 2007–2013.
REFERENZI
| Att | Dħul fis-seħħ | Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri | Ġurnal Uffiċjali |
|---|---|---|---|
| Regolament (KE) Nru 1081/2006 |
1.8.2006 |
— |
ĠU L 210, 31.7.2006 |
| Att emendatarju | Dħul fis-seħħ | Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri | Ġurnal Uffiċjali |
|---|---|---|---|
|
Regolament (KE) Nru 396/2009 |
22.5.2009 |
— |
ĠU L 126, 21.5.2009 |
ATTI RELATATI
Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/593/KE tal-4 ta' Awwissu 2006 li tiffissa allokazzjoni indikattiva skont l-Istat Membru tal-approprjazzjonijiet tal-impenn għall-għan ta' kompetittività u impjiegi Reġjonali għall-perjodu 2007-2013 (ĠU L 243, 6.9.2006).
Emendata mid-:
Deċiżjoni 2010/476/UE (ĠU L 232, 2.9.2010).
Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni (ĠU L 291, 21.10.2006).
L-abbozz ta' linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, it-tkabbir u l-impjieg ġie adottat mill-Kunsill fis-6 ta’ Ottubru 2006. Dawn il-linji gwida strateġiċi jikkostitwixxu l-qafas indikattiv għall-istabbiliment tal-politika ta’ koeżjoni u l-intervent tal-Fondi matul il-perjodu 2007–2013.
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2005 — Politika ta’ Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi - Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013 (COM(2005) 299 – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).



