| Avviż legali | X’hemm ġdid fuq is-sit EUROPA | Werrej | Dwar EUROPA | FAQ | Fittex | Kuntatt |
![]() |
| EUROPA > Istituzzjonijiet ta’ l-UE u korpi oħra > Istituzzjonijiet > Il-Kummissjoni Ewropea |
Il-Kummissjoni EwropeaIl-Kummissjoni hija indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali. Ix-xogħol tagħha huwa li tirrappreżenta u tħares l-interessi ta’ l-UE kollha kemm hi. Hija tfassal proposti għal liġijiet Ewropej ġodda, li hi tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Hija wkoll l-id eżekuttiv ta’ l-UE – fi kliem ieħor, hija responsabbli għat-twettiq tad-deċiżjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill. Dan ifisser it-tmexxija ta’ l-affarijiet ta’ kuljum ta’ l-Unjoni Ewropea:l-implimentazzjoni tal-politiki tagħha, it-tmexxija tal-programmi tagħha u l-infiq tal-finanzi tagħha. Bħall-Parlament u l-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea twaqqfet fis-snin 50 taħt it-trattati li saru meta bdiet l-UE. X’inhi l-Kummissjoni?![]() Il-Kummissjoni hija magħmula minn 27 raġel u mara – wieħed jew waħda minn kull pajjiż ta’ l-UE. It-terminu ‘Kummissjoni’ għandu żewġ tifsiriet. L-ewwelnett, jirreferi għat-tim ta’ rġiel u nisa – wieħed minn kull pajjiż ta’ l-UE – maħtur biex imexxi l-istituzzjoni u jieħu d-deċiżjonijiet tagħha. It-tieni nett, it-terminu ‘Kummissjoni’ jirreferi għall-istituzzjoni nnifisha u l-istaff tagħha. Informalment, il-Membri maħtura tal-Kummissjoni huma magħrufa bħala ‘kummissarji’. Kollha kienu jokkupaw pożizzjonijiet politiċi fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom u ħafna minnhom kienu ministri tal-gvern, iżda bħala Membri tal-Kummissijoni huma marbuta li jaġixxu fl-interessi ta’ l-Unjoni kollha kemm hi u ma jieħdux struzzjonijiet minn gvernijiet nazzjonali. Kummissjoni ġdida tinħatar kull ħames snin, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-proċedura hija kif ġej: ![]() José Manuel Barroso huwa l-kap ta’ l-eżekuttiv ta’ l-UE bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-perjodu tal-kariga tal-Kummissjoni preżenti għandu sal-31 ta’ Ottubru 2009. Il-President tagħha huwa José Manuel Barroso, mill-Portugall. Politikament il-Kummissjoni trid tagħti kont lill-Parlament, li għandu l-poter li jwaqqa’ l-Kummissjoni kollha permezz ta’ l-adozzjoni ta’ mozzjoni ta’ ċensura. Il-membri individwali tal-Kummissjoni għandhom jirriżenjaw jekk ikunu mitluba jagħmlu hekk mill-President, sakemm il-kummissarji oħrajn japprovaw. Il-Kummissjoni tattendi s-sessjonijiet kollha tal-Parlament, fejn għandha tikkjarifika u tiġġustifika l-politiki tagħha. Barra minn hekk, twieġeb b’mod regolari l-mistoqsijiet bil-miktub u orali li jsaqsu l-MPE. It-tmexxija ta’ kuljum tal-Kummissjoni ssir mill-uffiċjali amministrattivi tagħha, l-esperti, it-tradutturi, l-interpreti u l-istaff segretarjali. Hemm madwar 23 000 minn dawn il-ħaddiema taċ-ċivil Ewropej. Dan jista’ jidher ħafna, iżda fil-fatt huwa inqas minn-numru ta’ staff impjegati minn kunsill ta' belt ta' daqs medju tipika fl-Ewropa. Fejn hi bbażata l-Kummissjoni?Is-‘sede’ tal-Kummissjoni huwa fi Brussell (il-Belġju), iżda għandha wkoll uffiċċji fil-Lussemburgu, rappreżentanzi (de, en, fr) fil-pajjiżi ta’ l-UE kollha u delegazzjonijiet (en) f’bosta bliet kapitali madwar id-dinja. X’tagħmel il-Kummissjoni?Il-Kummissjoni Ewropea għandha erba’ rwoli prinċipali:
1. Il-proposta ta’ leġiżlazzjoni ġdida Il-Kummissjoni għandha ‘d-dritt ta’ l-inizjattiva’. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni waħedha hija responsabbli għat-tfassil ta’ proposti għal leġiżlazzjoni ġdida Ewropea, li hi tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill. Dawn il-proposti għandhom ikunu maħsuba biex jiddefendu l-interessi ta' l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha, u mhux dawk ta’ pajjiżi jew industriji speċifiċi. Qabel ma tressaq proposta, il-Kummissjoni għandha tkun konxja tas-sitwazzjonijiet u problemi ġodda li qed jiżviluppaw fl-Ewropa u għandha tikkunsidra jekk il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE hija l-aħjar mezz biex tittratthom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha kuntatt kontinwu ma’ firxa wiesgħa ta’ gruppi interessati u ma’ żewġ korpi konsultattivi – il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni. Tfittex ukoll l-opinjonijiet ta’ parlamenti u gvernijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni tipproponi azzjoni fuq livell ta’ l-UE biss jekk tikkunsidra illi problema ma tistax tissolva b’mod aktar effiċjenti permezz ta’ azzjoni nazzjonali, reġjonali jew lokali. Dan il-prinċipju fejn kwistjonijiet jiġu indirizzati fuq il-livell l-aktar baxx possibbli jissejjaħ ‘il-prinċipju tas-sussidjarjetà’. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li tinħtieġ il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE, tagħmel abbozz ta’ proposta li temmen li ser tindirizza l-problema b’mod effettiv u tissodisfa l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ interessi. Sabiex id-dettalji tekniċi jkunu xierqa, il-Kummissjoni tikkonsulta esperti, pemezz tad-diversi kumitati u gruppi tagħha. 2. It-twettiq tal-politiki ta’ l-UE u l-baġit Bħala l-korp eżekuttiv ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għat-tmexxija u t-twettiq tal-baġit ta’ l-UE. Il-biċċa l-kbira ta’ l-infiq attwali jsir mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, iżda l-Kummissjoni hija responsabbli għas-sorveljanza tiegħu – taħt l-għassa tal-Qorti ta’ l-Awdituri. Iż-żewġ istituzzjonijet jimmiraw li jiżguraw tmexxija finanzjarja tajba. Il-Parlament Ewropew jagħti r-rilaxx lill-Kummissjoni sabiex timplimenta l-baġit biss jekk ikun sodisfatt bir-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri jista'. Il-Kummissjoni għandha wkoll tmexxi l-politiki adottati mill-Parlament u mill-Kunsill, bħal per eżempju l-Politika Agrikola Komuni. Eżempju ieħor huwa l-politika tal-kompetitizzjoni, fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa tawtorizza jew tirrifjuta merġers bejn kumpaniji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura illi l-pajjiżi ta’ l-UE ma jagħtux sussidju lill-industriji tagħhom b’tali mod illi jkunu ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni. Eżempji ta’ programmi ta’ l-UE mmexxija mill-Kummissjoni jvarjaw mill-programmi ‘Interreg’ u ‘Urban’ (li joħolqu sħubija tranżnazzjonali bejn ir-reġjuni u jgħinu jagħtu ħajja ġdida lil żoni urbani li qegħdin imorru lura) għall-programmi ‘Erasmus’ ta’ skambji ta’ studenti madwar l-Ewropa kollha. 3. L-infurzar tal-liġi Ewropea Il-Kummissjoni sservi wkoll bħala ‘gwardjana tat-Trattati’. Dan ifisser illi l-Kummissjoni, flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja, hija responsabbli li tiżgura illi l-liġi ta’ l-UE tiġi applikata b’mod xieraq fl-istati membri kollha. Jekk issib illi pajjiż ta’ l-UE mhix qiegħed japplika l-liġi ta’ l-UE, u b’hekk ma jkun qed jissodisfa l-obbligi legali tiegħu, il-Kummissjoni tieħu passi sabiex din is-sitwazzjoni titranġa. L-ewwelnett tniedi proċess li jissejjaħ ‘il-proċedura ta' ksur tal-liġi. ’Din tinvolvi ittra uffiċjali lill-gvern, bi spjegazzjoni għaliex il-Kummissjoni tħoss illi dan il-pajjiż qiegħed jikser il-liġi ta' l-UE u li tistabbilixxi data ta’ skadenza meta għandha tintbagħat tweġiba dettaljata lill-Kummissjoni. Jekk b’din il-proċedura l-affarijiet ma jitranġawx, il-Kummissjoni għandha mbagħad tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha s-setgħa li timponi multi. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti jorbtu lill-istati membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-UE kollha. 4. Ir-rappreżentanza ta’ l-UE fuq livell internazzjonali Il-Kummissjoni Ewropea għandha r-rwol importanti li titkellem f’isem l-Unjoni Ewropea fuq livell internazzjonali. Hija tippermetti li l-istati membri jitkellmu ‘b’vuċi waħda’ f’fora internazzjonali bħal ma hi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Kummissjoni għandha wkoll ir-responsabbiltà li tinnegozja ftehimiet internazzjonali f’isem l-UE. Eżempju wieħed huwa l-Ftehim ta' Cotonou, li jistabbilixxi t-termini ta' sħubija ta' għajnuna u kummerċ importanti bejn l-UE u l-pajjiżi ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku li qegħdin jiżviluppaw. Kif inhu organizzat ix-xogħol tal-Kummissjoni?Huwa f’idejn il-President tal-Kumissjoni biex jiddeċiedi liema kummissarju se jkun responsabbli mil-liema qasam ta' politika, u li jbiddel dawn ir-responsabbilitajiet (jekk ikun neċessarju) matul il-perjodu tal-kariga tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tiltaqa’ darba fil-ġimgħa, normalment kull nhar ta’ Erbgħa fi Brussell. Kull suġġett fuq l-aġenda jiġi ppreżentat mill-kummissarju responsabbli għal dak il-qasam ta’ politika, u wara dan, it-tim kollu jieħu deċiżjoni kollettiva dwaru. L-istaff tal-Kummissjoni huwa organizzat f’dipartimenti, magħrufa bħala ‘Direttorati-Ġenerali’ (DĠ) u ‘servizzi’ (bħal mhu s-Servizz Legali). Kull DĠ hu responsabbbli għal qasam ta’ politika partikolari u mmexxi minn Direttur-Ġenerali li għandu jagħti kont lil wieħed mill-kummissarji. Il-koordinazzjoni ġenerali ssir mis-Segretarjat-Ġenerali, li wkoll imexxi l-laqgħat ta’ kull ġimgħa tal-Kummissjoni. Hu mmexxi mis-Segretarju-Ġenerali, li jagħti kont direttament lill-President. Fil-fatt, huma d-DĠ li jfasslu u jabbozzaw il-proposti leġiżlattivi, iżda dawn il-proposti jsiru uffiċjali biss meta jiġu ‘adottati’ mill-Kummissjoni fil-laqgħa tagħha ta’ kull ġimgħa. Bejn wieħed u ieħor, il-proċedura hija hekk: Nimmaġinaw, per eżempju, li l-Kummissjoni tħoss il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni ta’ l-UE biex tevita t-tniġġis tax-xmajjar Ewropej. Id-Direttorat-Ġenerali għall-Ambjent ifassal proposta, ibbażata fuq konsultazzjonijet estensivi ma’ l-industrija u l-bdiewa Ewropej, ma’ ministeri ta’ l-ambjent fl-istati membri u ma’ organizzazzjonijiet ambjentali. L-abbozz jiġi diskuss ukoll ma’ dipartimenti oħrajn tal-Kummissjoni u vverifikati mis-Servizz Legali u s-Segretarjat-Ġenerali. Meta l-proposta tkun lesta kompletament, titqiegħed fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Kummissjoni li jmiss. Jekk mill-inqas 14-il kummissarju mill-27 japprova l-proposta, il-Kummissjoni ‘tadottaha’ u jkollha l-appoġġ bla kundizzjonijiet tat-tim kollu. Wara dan, id-dokument jintbagħat lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew għall-konsiderazzjoni tagħhom. Limitu fuq id-daqs tal-KummissjoniKummissjoni b’wisq membri ma taħdimx kif jixraq u, bħalissa, hemm Kummissarju minn kull pajjiż ta' l-UE. Minn meta ssieħbu l-Bulgarija u r-Rumanija fl-UE, in-numru tela' għal 27 Kummissarju. Dan in-numru kien stabbilit mill-Kunsill b'deċiżjoni unanima. Imma l-Kummissjoni li jmiss (jiġifieri fil-prinċipju minn Novembru 2009), wara l-adeżjoni tas-27 Stat Membru, in-numri ta' Kummissarji għandu jitnaqqas. Iċ-ċifra aħħarija għad trid tiġi determinata b'deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Kummissarji mbagħad jinħatru b'sistema ta' rotazzjoni b'attenzjoni biex jiġi żgurat li l-pajjiżi jkunu rappreżentati b'mod ġust. L-għan ikun li niżguraw riflessjoni ċara tal-firxa demografika u ġeografika ta' l-Istati Membri kollha. |
|
| Avviż legali | X’hemm ġdid fuq is-sit EUROPA | Werrej | Dwar EUROPA | FAQ | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna |