![]() |
|
| EUROPA > Rapport Ġenerali | Kuntatt | Fittex f' EUROPA |
|
It-Tassazzjoni Strateġija Ġenerali It-tassazzjoni, bħall-Unjoni Doganali, hija komponent importanti biex tgħin l-Unjoni Ewropea tilħaq l-għanijiet ta’ Liżbona. Il-Kummissjoni enfasizzat dan meta approvat fis-27 ta’ Ottobru ( 1 ) pjan ta’ azzjoni jappoġġja l-kompetitività Ewropea f’dawn iż-żewġ oqsma. Din il-komunikazzjoni tiddeskrivi l-miżuri fiskali u doganali ewlenin li ttieħdu mill-Kummissjoni sabiex tgħin jitħaffef il-proċess ta’ tibdil strutturali neċessarju għall-ekonomiji Ewropej ħalli jimplimentaw l-istrateġija ta’ Liżbona. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż għall-konformità u l-formalitajiet amministrattivi, l-Istati Membri jiġu mgħejjuna jiggarantixxu l-istabilità fl-influss tad-dħul, jiffavorixxu kompetizzjoni akbar fis-swieq, jistimulaw l-iskambji kummerċjali u jinkoraġġixxu l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp. Il-miżuri proposti m’għandhomx l-għan li jibdlu l-istruttura tas-sistemi fiskali ta’ l-Istati Membri u lanqas li jkun hemm indħil fis-sovranità fiskali nazzjonali tagħhom. Iridu fuq kollox, inaqqsu l-effetti negattivi tal-koeżistenza tas-sistemi fiskali nazzjonali differenti fuq l-integrazzjoni tas-swieq. F’din il-ħidma, il-Kummissjoni, bħal numru konsiderevoli ta’ Stati Membri, ikkontribwiet attivament fid-diskussjonijiet dwar l-effetti retroattivi tas-sentenzi tal-Qorti, u appellat f’diversi każijiet ( 2 ) li tinstab interpretazzjoni għat-Trattat li tirrispetta kemm il-libertà fundamentali tas-suq intern kif ukoll il-limiti tal-baġits ta’ l-Istati Membri. Tassazzjoni Diretta Fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, fl-2005 kien hemm progress deċisiv fil-kwistjoni tat-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil. Huwa fil-fatt fl-ewwel ta’ Lulju li d-Direttiva 2003/48/KE li tapplika għal din il-kwistjoni ( 3 ) u l-ftehim internazzjonali relatat daħlu fis-seħħ, bl-erbgħin firmatarju interessat mis-sistema (il-ħamsa u għoxrin Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, ħames pajjiżi terzi Ewropej u għaxar territorji b’rabtiet ma’ xi Stati Membri) jinnotifikaw li kienu lesti li japplikaw, minn din id-data, id-dispożizzjonijiet miftehma fl-2003 (direttivi) u fl-2004 (ftehim internazzjonali). Fit-12 ta’ Diċembru, il-Kunsill approva min-naħa, l-użu ta’ sistema informatika protetta fl-iskambju ta’ informazzjoni li ġiet żviluppata mill-Kummissjoni minħabba l-bżonnijiet tad-Direttiva 2003/48/KE, u min-naħa l-oħra, format standard modern biex l-iskambju ta’ informazzjoni jibda’ japplika mill-2008. Dwar it-tassazzjoni applikabbli għall-intrapriżi, id-Direttiva ta’ l-1990 dwar ir-rapport ta’ impożizzjoni fil-każ ta’ għaqda bejn kumpanniji ta’ l-Istati Membri differenti ( 4 ), inbidlet fis-17 ta’ Frar ( 5 ). Din l-emenda tkabbar l-ambitu tad-Direttiva eżistenti għall-firxa usa’ ta’ kumpanniji, fosthom il-kumpannija Ewropea u l-koperattiva Ewropea. Jaħseb għal regoli fiskali newtrali ġodda għat-trasferiment tas-sede ta’ kumpannija Ewropea jew ta’ koperattiva Ewropea minn Stat Membru għall-ieħor. Jispeċifika wkoll li d-Direttiva tapplika fil-każ ta’ bdil minn fergħat għal sussidjarji. Fl-aħħarnett ikopri tip ġdid ta’ operazzjoni, magħrufa bħala qasma parzjali jew qasma bi bdil ta’ l-azzjonijiet, li permezz tagħha kumpannija eżistenti tittrasferixxi mill-inqas wieħed mis-setturi tagħha ta’ attività għall-kumpannija sieħba. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni li tinkludi proposta ta’ kodiċi ta’ kondotta, ġiet adottata fis-7 ta’ Novembru ( 6 ), fil-qasam tad-dokumentazzjoni dwar il-prezz tat-trasferiment fil-każ ta’ intrapriżi assoċjati fi ħdan l-Unjoni. L-intrapriżi għandhom jingħataw il-possibilità li jippreżentaw dokumentazzjoni standard u parzjalment ċentralizzata li tiddeskrivi l-politika tagħhom dwar il-prezz tat-trasferiment. Fit-23 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni approvat komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ostakli fil-qasam tat-tassazzjoni tal-kumpanniji li jaffettwaw l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-suq intern ( 7 ). Dan id-dokument jiddeskrivi l-problemi partikolari li dawn l-intrapriżi jridu jħabbtu wiċċhom fil-qasam tat-tassazzjoni meta jħaddmu l-attivitajiet f’iktar minn Stat Membru u jesponu kif dawn il-problemi jheddu t-tħaddim tas-suq intern. Abbażi tal-ħidma li saret fl-aħħar snin u ta’ l-istrateġija attwali tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni ta’ l-intrapriżi, il-komunikazzjoni taħseb ghall-soluzzjoni li tista’ tiġi implimentata u li hija realistika mil-lat prattiku, ibbażata fuq l-istrateġija li tissejjaħ It-Tassazzjoni Skond ir-Regoli ta’ l-Istat ta’ Residenza. Dan il-kunċett jista’ jitħaddem mill-Istati Membri u mill-intrapriżi interessati taħt forma ta’ skema pilota li tapplika b’mod sperimentali. Tassazzjoni Indiretta Fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta, il-Kunsill adotta fis-17 ta’ Ottubru, Regolament li jiggarantixxi l-applikazzjoni iktar uniformi tar-regoli komuni fit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-Unjoni Ewropea ( 8 ). Ir-Regolament ġdid jagħti s-saħħa ta’ liġi lil diversi strateġiji dwar l-elementi tal-liġi dwar il-VAT, fl-oqsma bħalma huma s-servizzi mwassla b’mezzi elettroniċi, il-post tal-provvista ta’ ċerti servizzi u l-ambitu dwar eżenzjonijiet mill-VAT, li joffru trasparenza u sigurtà ġuridika kemm lill-operaturi kif ukoll lill-amministraturi nazzjonali. Id-differenzi fl-applikazzjoni fil-prattika tar-regoli komuni dwar il-VAT mill-Istati Membri ifissru ostakli għall-ażjendi li jixtiequ japproffitaw ruħhom mill-offerti vantaġġjużi li joffri s-suq intern. Il-Kummissjoni fl-14 ta’ April ( 9 ) ipproponiet, li ttawwal sal-31 ta’ Diċembru 2010 r-rata minima normali tal-VAT iffissata għal 15 % sal-31 ta’ Diċembru 2005. Din il-proposta ġiet adottata mill-Kunsill fit-12 ta’ Diċembru sabiex jiġi evitat vojt legali mill-2006. Il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru stieden lill-Kunsill biex jistudja l-kwistjoni tar-rati ridotti tal-VAT f’Jannar 2006 biex jintlaħaq ftehim finali dwar din il-kwistjoni. Min-naħa tagħha l-Kummissjoni, fi Frar nediet konsultazzjoni pubblika biex tiġbor l-opinjonijiet dwar it-titjib li jista’ jsir fir-regoli eżistenti, fl-Unjoni, dwar il-VAT li japplikaw għas-servizzi li jingħataw lill-konsumaturi privati. Skond l-opinjonijiet espressi, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi jekk hemmx lok li tiġi ppreżentata proposta ta’ tibdil fir-regoli li huma fis-seħħ. Kien għalhekk li fl-20 ta’ Lulju ( 10 ), bidlet proposta diġà ppreżentata fl-2003 dwar il-post minn fejn jiġu eżerċitati s-servizzi bejn l-operaturi, biex tiġi assigurata li tinżamm it-taxxa fejn isir il-konsum u jiġu simplifikati r-regoli tal-VAT applikabbli għall-operaturi, konformi ma’ l-għanijiet stabbiliti fil-qafas ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona. Barra minn hekk, fis-6 ta’ Lulju ( 11 ), il-Kummissjoni ppreżentat proposta ta’ Direttiva li taħseb għar-ristrutturar tas-sistemi ta’ tassazzjoni tal-vetturi privati fl-Istati Membri. Il-proposta taħseb biex ittejjeb it-tħaddim tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakli fiskali attwali dwar it-trasferiment ta’ vetturi privati minn Stat Membru għall-ieħor, tippromwovi s-sostenibilità ambjentali bir-ristrutturar ta’ l-impożizzjoni tat-taxxi tar-reġistrazzjoni u t-taxxi annwali tat-traffiku u jinkludu elementi marbuta direttament ma’ l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju tal-vetturi privati. (1) COM(2005) 532. (2) Każijiet C-475/03 (Banca popolare di Cremona) u C-292/04 (Meilicke). (3) ĠU L 157 tas-26.6.2003. (4) Id-Direttiva 90/434/KEE (ĠU L 225 ta’ l-20.8.1990). (5) Id-Direttiva 2005/19/KEE (ĠU L 58 ta’ l-4.3.2005). (6) COM(2005) 543. (7) COM(2005) 702. (8) Ir-Regolament (KE) Nru 1777/2005 (ĠU L 288 tad-29.10.2005). (9) COM(2005) 136. (10) COM(2005) 334. (11) COM(2005) 261. |
| Dwar dan is-sît |