Mogħdija tan-navigazzjoni
Il-privatezza tiegħek hi importanti għalina. L-aċċess għad-dejta personali tiegħek hi soġġetta għal kontrolli stretti ta' sigurtà u ma naqsmuhiex ma' partijiet terzi.
Iċ-Ċentru ta' Kuntatt Europe Direct hu servizz ta' informazzjoni għall-individwi u n-negozji li jipprovdi tweġibiet diretti u personalizzati għal mistoqsijiet ġenerali dwar l-UE. Jirreferi wkoll lill-utenti għal sorsi rilevanti oħra ta' informazzjoni jew parir.
Id-dejta personali tiegħek tinġabar u tiġi proċessata biss sakemm ikun meħtieġ biex tintbagħatlek tweġiba.
L-uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigati miċ-Ċentru ta' Kuntatt Europe Direct għandhom aċċess għad-dejta tiegħek, li tinsab f'bażi tad-dejta. Ir-rikjesta tiegħek tinżamm fuq is-server tal-kuntrattur tagħna, European Service Network, u tista' tintbagħat bl-email lill-uffiċjal tal-UE responsabbli mit-tweġiba għar-rikjesta tiegħek.
Dan il-kuntrattur iffirma kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea, li jorbot legalment, li jkun konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u l-ipproċessar tagħha, u b’mod aktar speċifiku, mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
L-ebda dejta personali ma tinqasam ma' partijiet terzi.
Fil-Kummissjoni, id-dejta tista’ tkun aċċessata minn uffiċjali magħżula tal-Kummissjoni permezz ta’ user ID u password, u mill-kuntratturi responsabbli għall-aspetti tekniċi.
Barra l-Kummissjoni, il-persunal tal-kuntrattur European Service Network biss, responsabbli għat-tweġiba jew għall-manteniment tekniku, għandu aċċess għad-dejta personali tiegħek, permezz ta' user ID u password ukoll.
Il-mod kif jaħdmu s-servers tagħna li fihom id-dejta personali huma konformi mal-arranġamenti ta' sigurtà tal-Kummissjoni u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-Direttorat għas-Sigurtà għal servizzi u servers simili.
Il-bażi tad-dejta taċ-Ċentru ta' Kuntatt Europe Direct topera taħt ir-responsabilità tal-Kontrollur, is-Sur Antonis Papacostas, il-Kap tal-Unità - “Kuntatt taċ-Ċittadini”, Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea.
Jekk ikollok mistoqsijiet jew talbiet x’tagħmel rigward l-informazzjoni li tkun preżentajt, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Kontrollur.
Fejn xieraq, it-talba tiegħek tintbagħat lil uffiċjal fl-istituzzjonijiet tal-UE jew entità oħra (lokali, nazzjonali jew Ewropea) li jkun jista' jwieġbek.
Jekk it-talba tiegħek hi dwar drittijietek taħt il-liġi tal-UE, tista' tintbagħat lil servizz ieħor tal-Kummissjoni Ewropea, is-Pariri tal-Ewropa tiegħek.
Jekk, wara l-eżami tat-talba tiegħek għal parir, jidher li jkollok bżonn l-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali biex isolvulek il-problema, is-Pariri tal-Ewropa tiegħek jista' jitrasferixxi l-każ tiegħek lil SOLVIT, netwerk għar-riżoluzzjoni tal-problemi li jindirizza problemi bejn individwi jew kumpaniji u l-awtoritajiet f'pajjiż ieħor, f'każijiet fejn il-liġi tal-UE setgħet ġiet applikata ħażin.
Jekk il-mistoqsija tiegħek tikkonċerna l-Parlament Ewropew, tista' tintbagħat lis-Servizz għal Mistoqsijiet taċ-Ċittadini tal-Parlament Ewropew (CITES). Tant ieħor, CITES jistgħu jibagħtu l-mistoqsijiet li jirċievu liċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct.
Tkun informat bit-trasferimenti kollha bejn dawn is-servizzi.
M’għandekx aċċess dirett għad-dejta maħżuna fis-server tagħna. Jekk tkun tixtieq timmodifika jew tħassar id-dejta personali tiegħek, jew tkun trid taf x’dejta personali hija maħżuna fuq ismek, jekk jogħġbok ibagħtilna messaġġ.
Id-dejta personali kollha riċevuta u maħżuna - mill-Kummissjoni jew mill-kuntrattur - titħassar wara 5 snin.
Is-servizz tal-lista ta' indirizzi elettroniċi ta' Europe Direct tippermettilek li tirċievi informazzjoni dwar l-UE.
Wara li timmarka l-kaxxa fakultattiva “Nawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tibgħatli informazzjoni bl-email" disponibbli fuq il-formola ta' rikjesta, id-dejta personali tiegħek tiżdied fl-għodda tal-ġestjoni tal-lista ta' indirizzi elettroniċi tal-Kummissjoni ("MailMas").
Tista' tirranġa d-dejta tiegħek meta trid permezz ta' MailMas. Għandek il-possibbiltà li:
• tbiddel id-dejta ta' identifikazzjoni tiegħek (l-email tiegħek jew password)
• tbiddel id-dejta personali tiegħek
• tbiddel l-abbonament tiegħek
jew kompletament titħassar mis-sistema.
Id-dejta tiegħek hija disponibbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigati mill-EDCC u hija miżmuma f 'bażi ta' dejta ta' lista tal-indirizzi elettroniċi sakemm tħassar l-abbonament.
Minbarra d-dikjarazzjoni tal-privatezza, japplika wkoll dan l-avviż legali.