Mur għall-kontenut ewlieni

Twettiq ta’ negozju fl-Unjoni Ewropea

Ibda, immaniġġja u kabbar negozju

L-Ewropa hi mimlija b’opportunitajiet ta’ negozju. Hu importanti li tkun taf ir-regoli f’dak li għandu x’jaqsam mat-twaqqif ta’ negozju, inklużi t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dwana, l-istandards tal-prodotti, u l-impjieg. Jeżistu wkoll diversi fondi tal-UE li tista’ tibbenefika minnhom bħala negozju żgħir.

Il-bidu ta' negozju fl-UE

Sib kif tista’ tniedi n-negozju tiegħek u x’inhuma r-rekwiżiti legali. Issib ukoll informazzjoni dwar kif tipproteġi l-ideat tan-negozju tiegħek, ir-regoli dwar il-kontijiet annwali u l-fużjonijiet ma’ kumpaniji barranin, u kif tista’ tagħmel l-aħjar użu mill-iskema ta’ skambju tal-istaff.

VAT u dwana

Sib ir-regoli dwar il-VAT, id-dazji tas-sisa, il-kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom, it-taxxa korporattiva, jew iċċekkja jekk negozju huwiex irreġistrat biex jagħmel kummerċ fl-Ewropa (numru tal-VAT tal-UE).

Standards tal-prodotti u konformità

L-istandards huma linji gwida volontarji li jipprovdu speċifikazzjonijiet tekniċi għal ċerti prodotti, servizzi u proċessi biex jgħinu fil-protezzjoni tal-ambjent u fis-saħħa tal-konsumatur. Qabel ma tkun tista’ tbigħ prodott f’pajjiż tal-UE, dan irid ikun konformi mar-regoli li japplikaw f’dak il-pajjiż u kullimkien fl-UE.

Impjieg u benessri tal-istaff

Sib dwar ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi tal-UE dwar it-termini ta’ impjieg għall-istaff, it-tibdil fil-kuntratti tax-xogħol u dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-istaff. Hemm ukoll regoli speċifiċi għall-ħaddiema fis-settur tat-trasport u għall-ħaddiema stazzjonati (impjegati reklutati f’pajjiż wieħed iżda impjegati f’ieħor).

Appoġġ lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju

In-negozji żgħar u ta’ daqs medju huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Ewropa, u jirrappreżentaw 99% tan-negozji kollha fl-UE. Għalhekk huma essenzjali għall-ambizzjoni doppja tal-UE biex tinħoloq ekonomija sostenibbli u diġitali.

Aċċess għall-finanzjament

L-UE toffri appoġġ lin-negozji ż-żgħar permezz tal-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali. L-intermedjarji finanzjarji bħal banek u ditti ta’ kapital ta’ riskju jipprovdu wkoll finanzjament fil-forma ta’ self garantit mill-UE, lokazzjoni finanzjarja u finanzjament ta’ ekwità.

Għajnuna lin-negozji ż-żgħar biex jespandu l-orizzonti tagħhom

Biex tgħin lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju jesportaw u jinvestu lil hinn mill-UE, il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għas-swieq u opportunitajiet ta’ tlaqqigħ.

Pariri ġenerali u appoġġ

L-Enterprise Europe Network jgħin lin-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju b’ambizzjonijiet internazzjonali. Issib parir espert, kuntatti u avvenimenti li jqabbduk mas-sħab internazzjonali t-tajba li jgħinuk tkabbar in-negozju tiegħek.