European Union website, the official EU website

Avviż Legali Importanti

Avviż Legali Importanti

L-informazzjoni fuq dan is-sit hi suġġetta għal dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà, avviż dwar id-drittijiet tal-awtur u regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u l-użu tal-emblema tal-UE minn partijiet terzi.

 

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu ħsieb dan is-sit web biex ittejjeb l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-inizjattivi tagħha u l-politiki tal-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali. L-għan tagħna hu li nżommu din l-informazzjoni aġġornata u preċiża. Jekk jiġu indikati żbalji, nippruvaw nikkoreġuhom.
Madankollu, il-Kummissjoni ma taċċetta ebda responsabbiltà fir-rigward tal-informazzjoni fuq dan is-sit.

Din l-informazzjoni hi:

  • ta' natura ġenerali biss u mhix intenzjonata biex tindirizza ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' xi individwu jew entità partikolari
  • mhix neċessarjament komprensiva, kompleta, preċiża jew aġġornata;
  • xi drabi llinkjata ma' siti esterni li mhumiex taħt il-kontroll tas-servizzi tal-Kummissjoni u li għalihom il-Kummissjoni ma tassumi ebda responsabbiltà
  • mhix parir professjonali jew legali (jekk teħtieġ parir speċifiku, dejjem għandek tikkonsulta professjonist bi kwalifiki xierqa).

Jekk jogħġbok innota li ma tistax tingħata garanzija li dokument disponibbli onlajn jirriproduċi eżattament test adottat uffiċjalment. Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss (l-edizzjoni stampata tiegħu, jew mill-1 ta' Lulju 2013 l-edizzjoni elettronika tiegħu disponibbli fis-sit web ta' EUR-Lex) hu awtentiku u għandu effetti legali.

Għandna l-għan li nnaqqsu kemm jista' jkun problemi kkawżati minn żbalji tekniċi. Madankollu xi dejta jew informazzjoni fuq is-sit tagħna tista' tkun inħolqot jew ġiet strutturata f'fajls jew formati li jkun fihom xi żbalji u ma nistgħux nagħtu garanzija li s-servizz tagħna mhux se jkun interrott jew affettwat b'mod ieħor minn problemi bħal dawn. Il-Kummissjoni ma taċċetta ebda responsabilità għal dawn il-problemi mġarrba bħala riżultat tal-użu ta' dan is-sit jew kwalunkwe siti esterni relatati.

Din id-dikjarazzjoni ta' ċaħda mhijiex maħsuba biex tillimita r-responsabbiltà tal-Kummissjoni f'każ ta' ksur ta' kwalunkwe rekwiżit stipulat fil-liġi nazzjonali applikabbli jew biex teskludi r-responsabbiltà tagħha għal kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu esklużi taħt dik il-liġi.

 

Avviż dwar id-drittijiet tal-awtur

© Unjoni Ewropea, 1995-2016
Ir-riproduzzjoni hi awtorizzata, diment li ssir referenza għas-sors, għajr fejn jiġi stabbilit mod ieħor.
Meta l-permess minn qabel ikun meħtieġ għar-riproduzzjoni jew l-użu ta' informazzjoni testwali jew multimedjali (ħoss, stampi, softwer, eċċ.), it-tali permess jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b'mod ċar ir-restrizzjonijiet tal-użu.

 

Protezzjoni tad-Dejta Personali

L-Unjoni Ewropea hi impenjata biex tiżgura l-privatezza tal-utent.
Il-politika dwar il-"protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet tal-Komunità" hi bbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000.
Din il-politika ġenerali tkopri s-Siti Web istituzzjonali tal-familja tal-Unjoni Ewropea, fid-dominju tal-UE.
Għalkemm int tista' tibbrawżja fil-parti l-kbira ta' dawn is-Siti Web mingħajr ma tagħti ebda informazzjoni dwarek innifsek, f’xi każijiet, l-informazzjoni personali hi meħtieġa sabiex jiġu pprovduti s-servizzi elettroniċi li int tkun qed titlob.
Is-Siti Web li jirrikjedu t-tali informazzjoni jittrattawha skont il-politika spjegata fir-Regolament imsemmi hawn fuq u jipprovdu informazzjoni dwar l-użu tad-dejta tiegħek fl-istqarrijiet speċifiċi tagħhom dwar il-politika tal-privatezza.

F’dan ir-rigward:

  • Għal kull servizz elettroniku speċifiku, kontrollur jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-dejta personali u jiżgura l-konformità tas-servizz elettroniku speċifiku mal-politika tal-privatezza;
  • Fi ħdan kull Istituzzjoni, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta jiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament jiġu applikati u jagħti pariri lill-kontrolluri dwar it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom (ara l-art. 24 tar-Regolament);
  • Għall-istituzzjonijiet kollha, l-Uffiċjal Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta jaġixxi bħala awtorità indipendenti superviżorja (ara l-art. 41 sa 45 tar-Regolament).

Is-Siti Web istituzzjonali tal-familja tal-Unjoni Ewropea, fid-dominju tal-UE, jipprovdu links għal siti terzi. La ma nistgħux nikkontrollawhom, inħeġġuk taqra l-politiki tal-privatezza tagħhom.

X’inhu servizz elettroniku?
Is-servizz elettroniku fuq EUROPA hu servizz jew riżors disponibbli fuq l-Internet sabiex tittejjeb il-komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini u n-negozji minn banda u l-Istituzzjonijiet Ewropej mill-banda l-oħra.

Tliet tipi ta’ servizzi elettroniċi huma jew sejrin ikunu offruti minn EUROPA:

  1. Is-servizzi ta’ informazzjoni li jipprovdu liċ-ċittadini, il-midja, in-negozji, l-amministrazzjonijiet u oħrajn li jieħdu d-deċiżjonijiet b’aċċess ħafif u effettiv għall-informazzjoni, b’tali mod li jiżdiedu t-trasparenza u l-ftehim tal-politiki u l-attivitajiet tal-UE;
  2. Is-servizzi ta’ komunikazzjoni interattivi li jippermettu kuntatti aħjar maċ-ċittadini, in-negozji, is-soċjetà ċivili u l-atturi pubbliċi b'tali mod li jiffaċilitaw konsultazzjonijiet politiċi, u mekkaniżmi ta’ rispons, sabiex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politiki, l-attivitajiet u s-servizzi tal-UE;
  3. Is-servizzi ta' tranżazzjonijiet li jippermettu l-aċċess għall-forom bażiċi kollha ta' tranżazzjonijiet mal-UE, p.e. akkwisti, operazzjonijiet finanzjarji, reklutaġġ, reġistrazzjoni għal avveniment, akkwist jew xiri ta’ dokumenti, eċċ.

Informazzjoni fi stqarrija speċifika ta’ privatezza.
Stqarrija speċifika tal-politika ta’ privatezza se jkollha l-informazzjoni li ġejja dwar l-użu tad-dejta tiegħek:

  • Liema informazzjoni se tinġabar, għal liema raġuni u b’liema mezzi tekniċi l-UE tiġbor informazzjoni personali esklużivament sa fejn hemm bżonn biex jintlaħaq għan speċifiku. L-informazzjoni mhix se terġa' tintuża għal skop inkompatibbli;
  • Lil min se tingħata l-informazzjoni tiegħek. L-UE se tagħti informazzjoni lil terzi persuni biss jekk hu meħtieġ biex jintlaħaq/jintlaħqu l-għan(ijiet) identifikat(i) hawn fuq u lir-riċevituri (jew kategoriji ta’ riċevituri) imsemmija. L-UE ma tiżvelax id-dejta personali tiegħek għal skopijiet ta' kummerċ dirett;
  • Kif tista' taċċessa l-informazzjoni personali tiegħek, tivverifika l-eżattezza tagħha u, jekk meħtieġ, tirranġaha. Bħala s-suġġett tad-dejta għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-dejta personali tiegħek għal raġunijiet leġittimi konvinċenti, ħlief meta tkun miġbura sabiex ikun hemm konformità ma’ obbligu legali, jew tkun meħtieġa għat-twettiq ta’ kuntratt li inti parti, jew se tiġi użata għal skop li għalih inti tkun tajt il-kunsens mhux ambigwu tiegħek;
  • Għal kemm żmien tinżamm id-dejta tiegħek. L-UE żżomm biss id-dejta għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew ipproċessar ulterjuri;
  • X’inhuma l-miżuri ta’ sigurtà meħuda biex l-informazzjoni tiegħek tiġi ssalvagwardjata mill-possibbiltà ta’ użu ħażin jew aċċess mhux awtorizzat;
  • Lil min għandek tikkuntattja jekk ikollok mistoqsijiet jew ilmenti.

X'nagħmlu bl-emails li tibgħatilna?
Ħafna paġni web fuq Europa għandhom buttuna ta’ “Kuntatt”, li tattiva s-softwer tal-email tiegħek u tistiednek biex tibgħat il-kummenti tiegħek f’kaxxa postali funzjonali speċifika.
Meta tibgħat dawn il-messaġġi, id-dejta personali tinġabar mingħand min jirċeviha biss sakemm ikun hemm bżonn biex iwieġeb. Jekk it-tim tal-immaniġġjar tal-kaxxa postali ma jkunx jista' jwieġeb il-mistoqsija tiegħek, hu jibgħat l-email tiegħek lil servizz ieħor. Inti tkun infurmat, b’email, dwar liema servizz tkun ġiet mgħoddija lilu l-mistoqsija tiegħek. 
Jekk ikollok xi mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tal-email tiegħek u d-dejta personali relatata, inkludihom fil-messaġġ tiegħek.

Europa Analytics

Europa Analytics hu servizz korporattiv li jkejjel l-effettività u l-effiċjenza tal-paġni tal-livell ta' fuq ta' Europa (europa.eu) immaniġġjat mill-Kummissjoni Ewropea f'isem l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE. B'difolt, il-viżitaturi tal-paġni tal-livell ta' fuq ta' Europa huma ttrekkjati bl-użu ta' cookies tal-prima parti persistenti minn Europa (europa.eu). Tista’ tagħżel li ma tiġix ittrekkjat minn Piwik (opt-out). Jekk tbiddel fehemtek, tista’ tagħżel li terġa' tiġi ttrekkjat għal darb’oħra minn Piwik (opt-in).


Il-Kummissjoni Ewropea timmaniġġja l-paġni web tagħha (ec.europa.eu). Żur il-paġna tal-avviż legali segwenti biex tagħżel li ma tkunx ittrekkjat f'dawn il-paġni.
Istituzzjonijiet u korpi tal-UE apparti mill-Kummissjoni Ewropea (p.e. il-Parlament Ewropew) attwalment jużaw is-sistema Analitika tagħhom. Żur il-paġna tal-avviż legali tagħhom għal aktar informazzjoni.
Meta tagħżel li ma tiġix ittrekkjat minn Piwik ma tkunx qed taffettwa l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek fuq siti oħra ta' Europa.
Aktar dwar Europa Analytics

L-użu tal-emblema tal-UE minn partijiet terzi

Il-prinċipji tal-użu tal-Emblema Ewropea minn partijiet terzi ġew stipulati fi ftehim amministrattiv mal-Kunsill tal-Ewropa.
Dan il-ftehim ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-08/09/2012 (2012/C 271/04).

Skont dan il-Ftehim, kull persuna naturali jew legali ("utent terz") jista' juża l-Emblema Ewropea jew kwalunkwe mill-elementi tagħha, sakemm dan l-użu

(a) ma joħloqx l-impressjoni jew l-assunzjoni li hemm konnessjoni bejn l-utent terz u kwalunkwe mill-istituzzjonijiet, l-entitajiet, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-organi tal-Unjoni Ewropea jew il-Kunsill tal-Ewropa meta din il-konnessjoni ma tkunx teżisti;

(b) ma twassalx lill-pubbliku jaħseb li l-utent igawdi mill-appoġġ, l-isponsorizzazzjoni, l-approvazzjoni jew il-kunsens ta' kwalunkwe mill-istituzzjonijiet, l-organi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea jew tal-Kunsill tal-Ewropa fejn dan ma jkunx il-każ;

(ċ) ma jsirx b'konnessjoni ma' kwalunkwe għan jew attività li mhux kompatibbli mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea jew tal-Kunsill tal-Ewropa, jew b'xi mod ieħor ikun illegali.

Jekk l-użu tal-Emblema Ewropea jkun jikkonforma mal-kundizzjonijiet ta' hawn fuq, m'hemmx bżonn jintalab permess bil-miktub.

Mhijiex aċċettabbli r-reġistrazzjoni tal-Emblema Ewropea, jew imitazzjoni araldika tagħha, bħala marka kummerċjali jew daqs dritt ieħor ta' proprjetà intellettwali.

Mistoqsijiet marbuta mal-użu tal-Emblema Ewropea jistgħu jiġu diretti lil:

European Commission
Joint Research Centre, DDG.03 — Central IP Service
CDMA 4/102
B-1049 Brussels (Belgium)

Email: EC-EU-EMBLEM@ec.europa.eu