Unjoni Ewrope

L-UE fil-qosor

L-Unjoni Ewropea hi unjoni ekonomika u politika unika bejn 28 pajjiż Ewropew li flimkien ikopru l-parti l-kbira tal-kontinent.

L-UE nħolqot wara t-Tieni Gwerra Dinjija. L-ewwel passi saru biex tiġi stimulata l-kooperazzjoni ekonomika: l-idea hi li l-pajjiżi li jinnegozjaw ma' xulxin isiru ekonomikament interdipendenti u b'hekk jevitaw il-kunflitt.

Ir-riżultat kien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), li nħolqot fl-1958, u inizjalment żiedet il-kooperazzjoni ekonomika bejn sitt pajjiżi: il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Minn dak iż-żmien, inħoloq suq uniku enormi u qed ikompli jiżviluppa biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.

Minn unjoni ekonomika għal unjoni politika

Dak li beda biss bħala unjoni ekonomika, evolva f'organizzazzjoni li tinkludi oqsma ta' politika, minn klima, ambjent u saħħa għal relazzjonijiet esterni u sigurtà, ġustizzja u migrazzjoni. Bidla fl-isem mill-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) għall-Unjoni Ewropea (UE) fl-1993 irriflettiet din il-bidla.

L-UE hija bbażata fuq l-istat tad-dritt. dak kollu li tagħmel hu msejjes fuq it-trattati, miftiehma b'mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi membri tagħha kollha.

L-UE titmexxa bil-prinċipju tad-demokrazija rappreżentattiva, fejn iċ-ċittadini huma rrappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-UE.

Stabbiltà, munita unika, mobbiltà u tkabbir

L-UE wasslet għal nofs seklu ta' paċi, stabilità, u prosperità. Għenet biex tgħolli l-livell tal-għajxien, u nediet munita unika Ewropea: l-euro. Fl-2012, l-UE ingħatat il-Premju Nobel għall-Paċi għall-avvanzi li għamlet fil-kawżiet tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.

Bis-saħħa tat-tneħħija tal-kontrolli mal-fruntieri bejn il-pajjiżi tal-UE, in-nies tista' tivvjaġġa b'mod ħieles fil-parti l-kbira tal-kontinent. U sar ħafna aktar faċli wkoll li tgħix, taħdem u tivvjaġġa f'pajjiż ieħor fl-Ewropa.

Is-suq 'intern' jew uniku huwa l-magna ekonomika tal-UE. Jippermetti ċ-ċaqliq liberu tal-parti l-kbira tal-prodotti, is-servizzi, il-flus u l-persuni. Għan ewlieni ieħor hu li tiġi żviluppata din ir-riżorsa enormi f'oqsma oħra bħall-enerġija, l-għarfien u s-swieq kapitali biex ikun żgurat li l-Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista' jkun minnha.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-UE hu li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, kemm fl-Unjoni stess kif ukoll madwar id-dinja. Id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem: dawn huma l-valuri ewlenin tal-UE. Sa mid-dħul fis-seħħ fl-2009 tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tgħaqqad dawn id-drittijiet kollha f'dokument wieħed. Kemm l-Istituzzjonijiet kif ukoll il-gvernijiet tal-UE huma marbuta legalment li jżommuhom meta japplikaw il-liġi tal-UE.

Istituzzjonijiet trasparenti u demokratiċi

L-UE li issa kibret sew, tibqa' ffukata fuq il-proċess biex l-Istituzzjonijiet governattivi tagħha jkunu dejjem aktar trasparenti u demokratiċi. Ingħataw aktar setgħat lill-Parlament Ewropew li jiġi elett direttament, filwaqt li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol akbar billi jaħdmu id f'id mal-istituzzjonijiet Ewropej. Fl-istess ħin, iċ-ċittadini Ewropej għandhom għadd dejjem jiżdied ta' mezzi biex jieħdu sehem fil-proċess politiku.