Language selector

Agħżel il-verżjoni b'kuntrast qawwiIssettja l-paġna għal tipa ta' daqs normaliKabbar it-tipa

Din il-paġna hija disponibbli fi 24 lingwa

Għalfejn il-Karrieri mal-UE?


Ibni l-karriera tiegħek minn naħa għal oħra ta' kontinent

Qed tfittex karriera li tisfida l-kapaċitajiet tiegħek f'ambjent dinamiku?
Kontinwament infittxu persuni li huma lesti li jiffaċċjaw l-isfidi u li jagħmlu differenza għall-Ewropa.

L-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea joffru karrieri internazzjonali għal persuni ambizzjużi u ta' ħila. Meta tissieħeb magħna, tkun qed tagħmel l-ewwel pass f'karriera għal tul ta' żmien li tista' tieħdok kull fejn tixtieq tmur. Ibbażat fil-qalba tal-Ewropa, tgawdi minn ambjent internazzjonali mgħaġġel u tingħata responsabbiltà vera mill-ewwel ġurnata tiegħek. Ninsabu hawn biex inservu 500 miljun persuna f'28 stat membru, b'hekk għandek tistenna skop u livell eċċezzjonali – u l-opportunità li tagħmel differenza vera u permanenti.

Jekk inti student fl-aħħar sena ta' studju jew Gradwat, tista' tapplika għal pożizzjonijiet b'livell ta' dħul f'diversi oqsma, li huma l-punt tat-tluq lejn karriera interessanti u verament Ewropea. Nirreklutaw ukoll gradwati b'esperjenza professjonali, staff amministrattiv u professjonisti ta' esperjenza f'firxa wiesgħa ta' oqsma kif ukoll tradutturi u interpreti.

Meta taħdem għall-Istituzzjonijiet tal-UE, tkun qed tħaddem b'mod qawwi l-kapaċitajiet analitiċi, organizzattivi u komunikattivi tiegħek f'diversi ambjenti. Twettaq xogħlok, b'motivazzjoni li twassal l-aħjar riżultati possibbli u ssir kunfidenti int u taħdem b'mod effettiv bħala parti minn tim multikulturali. Issir ħerqan biex titgħallem u tiżviluppa t-tagħrif, il-kapaċitajiet u l-lingwi. Fil-karigi tagħna għall-gradwati, turi wkoll il-kapaċitajiet tat-tmexxija u tkun tista' tħeġġeġ lill-persuni biex jakkwistaw riżultati.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Iffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni

Lest li tħalli effett fuq 500 miljun persuna?
Meta taħdem għall-Istituzzjonijiet tal-UE jfisser li tkun qed taħdem għal futur aħjar.

F'nofs seklu, l-UE rnexxielha żżomm il-paċi u l-istabbiltà f'28 stat membru li jinsabu fiha u tibdel il-mod li ngħixu, naħdmu u nivvjaġġaw. Permezz tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tagħha, l-UE żviluppat f'organizzazzjoni mifruxa fuq ħafna oqsma, mill-għajnuna għall-iżvilupp sal-politika ambjentali.

B'mod speċjali fiż-żminijiet ta' sfida li l-Ewropa u d-dinja qed attwalment jesperjenzaw, jeħtiġilna dawk l-aktar intelliġenti u li huma l-aħjar biex jiġġieldu l-isfidi u jsaħħu l-Unjoni Ewropea, billi jagħmluha post denju li jgħixu fih il-500 miljun membru tagħha. Int tista' tgħinna nwettqu dan l-għan u nkunu ta' effett għall-Ewropa.

Skont il-kapaċitajiet, l-esperjenza u d-deskrizzjoni tal-impjieg tiegħek, tkun tista' taħdem billi tabbozza l-politiki u billi timplimenta l-liġi tal-UE, tmexxi proġetti, tiżviluppa strateġiji ta' komunikazzjoni, tipprovdi parir legali u bosta ħidmiet oħrajn f'oqsma differenti ta' responsabbiltà.

Meta taħdem għall-UE jfisser li tkun qed taħdem għal waħda mill-Istituzzjonijiet tal-UE bħall-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u l-bqija.

Tista' ssib lista tal-Istituzzjonijiet tal-UE kollha u tal-attivitajiet tagħhom http://europa.eu/about-eu/institutions-bodies/index_en.htm.

Il-biċċa l-kbira tal-Istituzzjonijiet tal-UE jinsabu fi Brussell jew il-Lussemburgu, fejn tgħix u taħdem f'ambjent internazzjonali.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Ibda karriera li sservik għal għomrok

Impjieg mhux biżżejjed?
Xogħol mal-Istituzzjonijiet tal-UE joffrilek karriera mimlija opportunitajiet.

L-Istituzzjonijiet tal-UE marbutin li jappoġġaw u jinkuraġġixxu l-iżvilupp tiegħek billi jipprovdulek għażliet għal karriera flessibbli u realistiċi, informazzjoni onesta u opportunitajiet biex tkun tista' tesplora għażliet differenti.

Inħeġġuk ukoll tippjana l-karriera tiegħek b'mod proattiv billi int biss tista' tiddefinixxi l-interessi u l-valuri tiegħek u tieħu d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-mogħdija tal-karriera tiegħek għall-ġejjieni. Ngħinuk biex tiżviluppa l-pjan għal karriera tiegħek, billi ngħinuk tidentifika l-kapaċitajiet tiegħek u l-oqsma għall-iżvilupp u nistabbilixxu programm li jaħdem favur il-kapaċitajiet tiegħek u li jibnilek kapaċitajiet oħrajn.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kompli tgħallem

Imħeġġeġ biex ittejjeb lilek innifsek?
Kompli żviluppa t-talenti li għandek matul
il-karriera Ewropea tiegħek.

Meta taħdem għall-Istituzzjonijiet tal-UE tkun qed kontinwalment tiżviluppa l-kapaċitajiet li għandek biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-karriera mimlija sfidi tiegħek.
Tisma' ħafna lingwi kuljum matul il-ġurnata tax-xogħol, għalhekk it-tagħlim tal-lingwi jkun parti importanti mill-iżvilupp tal-karriera tiegħek. Qabel ma tingħata
l-ewwel promozzjoni jkollok tipprova l-kapaċitajiet lingwisitiċi akkwistati fit-tielet lingwa Ewropea.

Noffru korsijiet għat-tagħlim tal-lingwa fi 24 lingwa uffiċjali biex ikun eħfef li tikkomunika mal-membri tat-tim tiegħek. Tista' tagħżel bejn 6 livelli differenti (minn livell baxx sa dak avvanzat), intensiv, darbtejn f'ġimgħa jew korsijiet li jsiru onlajn.
Apparti l-korsijiet fil-lingwi, noffru wkoll firxa wiesgħa ta' korsijiet ta' taħriġ biex tiżviluppa l-kapaċitajiet personali tiegħek jew iżżomm kuntatt mal-aħħar żviluppi fil-qasam tiegħek. It-taħriġ jitfassal skont il-pjan tal-karriera tiegħek u tal-ħtiġijiet tat-tim li taħdem fih.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Ħoss il-polz tal-Ewropa

Imdawwar bi 24 lingwa u b'28 nazzjonalità?
Dan tista' ssejjaħlu taħdem u tgħix fil-qalba tal-Ewropa.

Meta tissieħeb mat-tim tiegħek, tkun qed taħdem ma' persuni mill-Ewropa kollha. Mhux biss il-ġurnata ta' kuljum tiegħek tkun internazzjonali, il-probabbiltajiet huma li tkun mibgħut taħdem fl-ibliet multikulturali u diversi ta' Brussell jew il-Lussemburgu.

Il-preżenza tal-Istituzzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet u kumpaniji internazzjonali oħrajn f'dawn l-ibliet tfisser li persuni mill-kontinent kollu jiġu hawn biex jgħixu u jaħdmu, u tistenna li tisma' bosta lingwi mitkellmin fit-toroq. Iż-żewġt ibliet għandhom żoni ta' xiri u ħafna postijiet ta' divertiment, b'għażla kbira ta' ristoranti, klabbs u bars, postijiet kulturali u klabbs sportivi. Huma kompatti, u ma tantx hemm bogħod biex mill-belt issib ruħek fil-kampanja.

Fil-qalba tal-Ewropa, ħafna bliet kapitali Ewropej jinsabu biss ftit sigħat 'il bogħod (Amsterdam, Pariġi, Londra). Jekk għandek jew qed tippjana li jkollok familja f'xi punt jew ieħor, Brussell u l-Lussemburgu joffru skejjel nazzjonali, Ewropej u internazzjonali eċċellenti u min-naħa tagħna bi pjaċir ngħinuk tikkuntattja l-iskejjel tal-krexx, il-grupp tal-logħob u faċilitajiet oħrajn.

Il-Kummissjoni Ewropea, għalkemm ibbażata fi Brussell u l-Lussemburgu, għandha wkoll uffiċċji (rappreżentanzi) f’kull pajjiż tal-UE u delegazzjonijiet fl-ibliet kapitali madwar id-dinja. L-UE għandha wkoll ħafna aġenziji u entitajiet deċentralizzati bbażati f'pajjiżi differenti.

Biex tkun taf aktar dwar dawn l-uffiċċji, jekk jogħġbok żur http://europa.eu/about-eu/institutions-bodies/index_en.htm

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Taħdem ma' xi ħadd flessibbli u modern

L-offerta tagħna għalik?
Appoġġ u żvilupp tul il-karriera

Apparti li jipprovdu appoġġ u għajnuna lill-impjegati ġodda għar-riallokazzjoni, l-Istituzzjonijiet tal-UE joffru wkoll pakkett remunerazzjoni komprensiva, inkluż il-pensjoni, il-kura tas-saħħa u bidu b'salarju kompetittivi. Skont is-sitwazzjoni personali tiegħek, għandek mnejn tkun intitolat għall-allowances tal-espatrijazzjoni, tfal dipendenti jew allowance tat-trasport.

Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' impjieg tal-uffiċjali tal-UE kollha fir-regolamenti tal-istaff, kif ukoll l-aħħar informazzjoni dwar is-salarji tal-uffiċjali u l-aġenti kuntrattwali.

Inħeġġu l-mobilità u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-lingwi u oħrajn, inkluż permezz ta' programmi ta' taħriġ. L-istaff javvanza permezz ta' passi fis-sinjorità fil-grad tiegħu. L-istaff bi prestazzjoni għolja jiġi promoss aktar malajr. Nappoġġjaw ukoll xogħol flessibbli, l-opportunitajiet indaqs u kundizzjonijiet favur il-familji.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna