Language selector

Agħżel il-verżjoni b'kuntrast qawwiIssettja l-paġna għal tipa ta' daqs normaliKabbar it-tipa

Din il-paġna hija disponibbli fi 23 lingwa

Tipi ta' impjiegi

Hemm għadd ta' modi kif in-nies jistgħu jidħlu jaħdmu mal-Istituzzjonijiet. Hawn taħt issib deskrizzjoni tal-kategoriji differenti ta' staff li jistgħu jaħdmu fl-Istituzzjonijiet tal-UE.

Għal aktar tagħrif dwar kif tapplika għal dawn l-opportunitajiet differenti iċċekkjaw il-paġni dwar kif tapplika.


Uffiċjali permanenti

L-uffiċjali permanenti jiffurmaw is-Servizz Ċivili tal-UE u huma maqsuma f’żewġ kategoriji – amministraturi (AD) u assistenti (AST).

L-Amministraturi normalment ikunu inkarigati bl-abbozzar ta' politiki u l-implimentar tal-liġi Ewropea kif ukoll b'xogħol ta' analiżi u konsultazzjoni. Amministratur jista' jsib ruħu fi rwol importanti fil-proċess leġiżlattiv u baġitarju tal-UE, jikkoordina l-politiki ekonomiċi jew ta' xorta oħra tal-Istati Membri, jieħu parti fin-negozjati kummerċjali ma' pajjiżi barra mill-UE, jew jirrappreżenta lill-Istituzzjonijiet f'forums internazzjonali. Oħrajn jistgħu jkunu qed jispezzjonaw il-flotot tas-sajd fl-Istati Membri, l-iżvilupp jew it-tmexxija ta' xi programm speċifiku ta' riċerka xjentifika, jew jabbozzaw deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jew tal-Ombudsman Ewropew. Aħna noffru firxa tassew wiesgħa f'dawk li huma opportunitajiet ta' karriera għall-iggradwati universitarji inklużi fis-setturi tal-amministrazzjoni, il-liġi, il-finanzi, l-ekonomija, il-komunikazzjoni u x-xjenza biex insemmu ftit minnhom.

L-Assistenti ġeneralment ikunu impjegati fi rwol ta' appoġġ (segretarjali, amministrattiv, finanzjarju, komunikattiv, implimentattiv, ta' żvilupp politiku, eċċ). Jagħtu sehem importanti fit-tmexxija interna tal-Istituzzjonijiet, l-aktar fl-affarijiet finanzjarji u baġitarji, xogħol relatat mal-istaff, bil-kompjuters, u ta' tmexxija tad-dokumenti.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Staff b'kuntratt

L-istaff b'kuntratt (CAST) jiġu inkarigati jagħmlu xogħol manwali jew ħidma ta' servizz ta' għajnuna amministrattiva jew jipprovdu aktar kapaċità f'oqsma speċjalizzati fejn ma jkunx hemm uffiċjali biżżejjed bil-kapaċitajiet speċjalizzati meħtieġa. L-istaff b'kuntratt jiġu impjegati għal perjodu massimu fiss, bosta drabi b'kuntratti inizjali iqsar ta' 6-12-il xahar, skont it-tip ta' xogħol.

Jeżistu pożizzjonijiet għal staff b'kuntratt f'firxa kbira ta' xogħlijiet, li jirrekjedu livelli differenti ta' kwalifiki. Jinqasmu f'erba' gruppi funzjonali:

  1. xogħol manwali jew ħidma ta' servizz ta' għajnuna amministrattiva
  2. xogħol klerikali jew segretarjali, tmexxija tal-uffiċċju u xogħol ta' dan it-tip
  3. xogħol eżekuttiv, abbozzar, kontabilità u dan it-tip ta' xogħol tekniku
  4. xogħol amministrattiv, konsultattiv, lingwistiku u ta' din ix-xorta.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Aġenti Temporanji (Ħaddiem Mhux Permanenti)

L-aġenti temporanji jistgħu jiġu impjegati biex jagħmlu varjetà kbira ta’ xogħol speċjalizzat jew temporanju għal perjodu massimu ta’ sitt snin.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Staff Interim

Xi Istituzzjonijiet jimpjegaw ukoll staff lokali għal perjodu qasir u fuq bażi temporanja (sa 6 xhur), permezz ta' aġenziji tax-xogħol temporanju.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Apprendisti

'Il fuq minn 1,200 żagħżugħ u żagħżugħa fis-sena jkollhom l-opportunità jtejbu l-kapaċitajiet professjonali tagħhom, jiżviluppaw il-kwalitajiet personali u jżidu l-għarfien tagħhom dwar l-UE permezz tal-programmi ta' apprendistat. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Ombudsman Ewropew jorganizzaw apprendistati għall-gradwiti żgħażagħ. Kull wieħed idum bejn 3 u 5 xhur. L-apprendisti kollha jkunu lestew l-ewwel kors universitarju biex b'hekk ikunu jistgħu jagħmlu xogħol bħal dak li jagħmlu l-uffiċjali bi grad aktar baxx minn AD.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Esperti Nazzjonali Sekondati (ENS)

L-ENS huma impjegati taċ-ċivil nazzjonali jew internazzjonali jew persuni impjegati fis-settur pubbliku li jaħdmu għal xi żmien ma’ Istituzzjoni tal-UE. Iġibu l-esperjenzi fl-Istituzzjoni dwar kwistjonijiet li jkunu mdorrijin bihom, u jieħdu lura magħhom għarfien dwar il-politiki u l-proċeduri tal-UE li jkunu kisbu waqt il-perjodu ssekondat.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna