Id-Drittijiet taċ-Ċittadinanza tal-UE
L-UE tixtieq li int tkun taf dwar dawn id-drittijiet li għandek bħala Ċittadin tal-UE u li tkun tista' tgawdihom bis-sħiħ fil-ħajja tiegħek ta' kuljum. Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE sar għalhekk. Id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE huma stipulati fit-Tieni Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma stabbiliti wkoll fil-Kapitolu V tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Id-dritt li tiċċaqlaq u tgħix liberament fl-UE u li ma tkunx diskriminat minħabba n-nazzjonalità
Bħala ċittadin tal-UE, għandek id-dritt li tiċċaqlaq u tgħix fejn trid fl-UE. Japplikaw xi kundizzjonijiet. Ngħidu aħna, meta tidħol f'pajjiż ieħor tal-UE tista' tintalab turi identifikazzjoni, u biex tgħix f'pajjiż ieħor għal iktar minn tliet xhur għandek tilħaq ċerti kundizzjonijiet skont jekk intix qed taħdem, tistudja, eċċ.
Id-dritt li tivvota u li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet
Meta tmur tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE, għandek id-dritt, bħala ċittadin tal-UE, li tivvota u toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-UE li jsiru f'dak il-pajjiż, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' hemmhekk.
Id-dritt ta' petizzjoni
Id-dritt tal-petizzjoni jippermettilek tesprimi tħassib jew tressaq ilmenti quddiem il-Parlament Ewropew. Tista' titlob lill-Parlament biex jindirizza bżonn jew ilment personali jew ta' interess pubbliku. Is-suġġett għandu jikkonċerna attività tal-UE, u għandu jikkonċernak direttament.
Id-dritt li tilmenta mal-Ombudsman
Għall-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina minn istituzzjoni jew entità tal-UE, tista' tilmenta mal-Ombudsman.
Tista' tikkuntattja direttament l-istituzzjonijiet tal-UE u l-entitajiet konsultattivi, u int intotlat tingħata tweġiba fi kwalunkwe waħda mit-23 lingwa uffiċjali tal-UE.
Id-dritt għall-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati
Meta tkun f'pajjiż mhux fl-UE u tkun teħtieġ l-għajnuna, bħala ċittadin tal-UE int intitolat għall-protezzjoni konsulari minn ambaxxata jew konsulat ta' kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż. L-għajnuna tiġi provduta f'sitwazzjonijiet bħal mewt, inċident jew marda, arrest jew detenzjoni, reat vjolenti u ripatrijazzjoni.
Id-dritt li titlob lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni ġdida
L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermettilek titlob lill-Kummissjoni Ewropea tipprepara proposta għal att legali. Il-petizzjoni għandha tiġi ffirmata minn tal-inqas miljun ċittadin minn tal-inqas kwart tal-pajjiżi tal-UE.
Id-drittijiet fundamentali
L-UE hija bbażata fuq il-valuri tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoritajiet.
Drittijiet oħra bejn il-fruntieri
Aċċess għas-sigurtà soċjali
Meta tiċċaqlaq fl-UE, tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f'pajjiż wieħed biss, anke meta taħdem f'iktar minn pajjiż wieħed. Ġeneralment, tirċievi l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali minn dak il-pajjiż biss ukoll.
Kura tas-saħħa barra pajjiżek
Skont il-liġi tal-UE, tista' titlob kura medika f'pajjiż ieħor tal-UE u tista' tkun intitolat li tieħu lura l-ispejjeż mingħand l-assiguratur nazzjonali tiegħek.
- http://europa.eu/youreurope/citizens/health/index_en.htm
- http://ec.europa.eu/health/cross_border_care/policy/index_en.htm
Studja barra pajjiżek
Bħala ċittadin tal-UE, għandek id-dritt tistudja f'kull pajjiż tal-UE bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż.
Xiri onlajn
Il-liġi tal-UE tipproteġik meta tixtri onlajn fl-Ewropa.
- http://europa.eu/youreurope/citizens/shopping/index_en.htm
- http://ec.europa.eu/consumers/ecc/index_en.htm
Id-drittijiet tal-passiġġieri
Jekk ikollok problemi bi vvjaġġar bil-ferrovija jew titjiriet internazzjonali li jitilqu mill-UE jew jaslu fl-UE ta' kumpanija fl-UE minn pajjiż barra mill-UE, tista' tkun intitolat għall-flus lura u possibilment għal kumpens.
Sejħiet irħas bil-mowbajl
Meta tuża l-mowbajl f'pajjiż ieħor tal-UE, hemm limitu ta' kemm tista' tintalab li tħallas.
Enerġija sikura u għall-but ta' kulħadd
Bħala konsumatur, tinsab protett aħjar u għandek id-dritt li tagħżel l-aħjar provveditur ta' gass u elettriku għal ħtiġijietek, grazzi għall-UE.






