Skop
L-Ombudsman jaġixxi għal ilmenti miċ-ċittadini, negozji u organizzazzjonijiet tal-UE, u jgħin biex jinkixfu każijiet ta’ "amministrazzjoni ħażina" – fejn l-istituzzjonijiet, l-entitajiet, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-UE jkunu kisru l-liġi, naqsu milli jirrispettaw il-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba jew ikunu kisru d-drittijiet tal-bniedem. Xi eżempji jinkludu:
- inġustizzja
- diskriminazzjoni
- abbuż ta’ poter
- nuqqas ta’ jew rifjut tal-provvista ta’ informazzjoni
- dewmien mhux meħtieġ
- proċeduri mhux korretti.
L-uffiċċju tal-Ombudsman jiftaħ l-investigazzjonijiet wara li jirċievi lment jew b’inizjattiva tiegħu. Hu kompletament indipendenti u ma jiħux ordnijiet mingħand l-ebda gvern jew organizzazzjoni. Darba f’sena, jippreżenta lill-Parlament Ewropew b’rapport tal-attività.
Elezzjoni
Il-Parlament jeleġġi l-Ombudsman għal perjodu ta’ ħames snin li jiġġedded. P. Nikiforos Diamandouros, l-eks ombudsman nazzjonali tal-Greċja, ġie elett mill-ġdid f’Jannar 2010 għal perjodu ta’ ħames snin.
Kif nista’ nagħmel ilment lill-Ombudsman?
Jekk m’intix sodisfatt b’istituzzjoni, entità, uffiċċju jew aġenzija tal-UE, għandek l-ewwel tagħtiha l-opportunità li tikkoreġi s-sitwazzjoni. Jekk dak l-approċċ ma jirnexxix, tista’ tagħmel ilment lill-Ombudsman Ewropew.
Għandek tagħmel l-ilment tiegħek lill-Ombudsman fi żmien sentejn mid-data li fiha sirt konxju mill-problema. Għandek b’mod ċar tgħid min int, liema hi l-istituzzjoni jew entità li dwarha qed tilmenta u x’inhi l-problema tiegħek. Tista’ titlob li l-ilment tiegħek jibqa’ kunfidenzjali.
X’ma jagħmilx l-Ombudsman
L-Ombudsman ma jistax jinvestiga:
- Ilmenti kontra awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali fil-pajjiżi tal-UE (dipartimenti tal-gvern, aġenziji tal-istat u kunsilli lokali), anke meta l-ilmenti jkunu dwar kwistjonijiet tal-UE.
- L-attivitajiet tal-qrati jew l-ombudsmen. L-Ombudsman Ewropew mhuwiex entità tal-appelli għal deċiżjonijiet meħuda minn dawn l-entitajiet.
- Ilmenti kontra negozji jew individwi privati.
X’jiġri wara li jsir ilment?
L-Ombudsman jista’ jkun kapaċi jsolvi l-problema tiegħek billi sempliċiment jinforma lill-istituzzjoni, entità, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati, iżda jekk ikun hemm bżonn ta’ iżjed minn hekk, l-Ombudsman jipprova jsib soluzzjoni amikevoli li tirrisolvi l-kwistjoni u li tissodisfak.
Jekk dan ma jirnexxix, l-Ombudsman jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjoni kkonċernata. Jekk din ma taċċettax ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, jista’ jagħmel rapport speċjali lill-Parlament Ewropew sabiex ikun jista’ jieħu kwalunkwe azzjoni politika li tkun meħtieġa.
Jekk l-Ombudsman ma jistax jittratta l-ilment tiegħek – pereżempju, jekk diġà kien is-suġġett ta’ kawża l-qorti – jagħmel l-aħjar li jista’ sabiex jagħtik parir dwar liema entità oħra tista’ tgħinek.
