Twaqqif tal-aġenda
Il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi d-direzzjoni politika ġenerali - iżda m'għandux setgħa biex jgħaddi l-liġijiet. Immexxi mill-President tiegħu – bħalissa Herman Van Rompuy – u ffurmat mill-kapijiet ta' stat jew gvern nazzjonali u l-President tal-Kummissjoni, jiltaqa' għal ftit jiem tal-anqas darba kull 6 xhur.
Tfassil tal-liġijiet
Hemm 3 istituzzjonijiet ewlenin involuti fil-leġiżlazzjoni tal-UE:
- il-Parlament Ewropew, li jirrappreżenta ċ-ċittadini tal-UE u li hu direttament elett minnhom;
- il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jirrappreżenta l-gvernijiet tal-istati membri individwali; Il-Presidenza tal-Kunsill tinqasam bejn l-istati membri fuq bażi ta' rotazzjoni.
- il-Kummissjoni Ewropea, li tirrappreżenta l-interessi ġenerali tal-Unjoni.
Ilkoll flimkien, dawn it-tliet istituzzjonijiet, permezz tal-"Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja", jipproduċu l-politiki u l-liġijiet li japplikaw fl-UE. Fil-prinċipju, il-Kummissjoni tipproponi liġijiet ġodda, u l-Parlament u l-Kunsill jadottawhom. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi membri mbagħad jimplimentawhom, u l-Kummissjoni tiżgura li l-liġijiet jiġu applikati u implimentati b'mod tajjeb.
Teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE – aktar tagħrif dwar il-proċeduri tat-tfassil tal-liġijiet
Lista ta' Presidenzi tal-Kunsill tal-UE – 2011-2020
Istituzzjonijiet oħra tal-UE
Żewġ istituzzjonijiet oħra għandhom rwol kruċjali:
- il-Qorti tal-Ġustizzja tinforza d-dritt tal-liġi Ewropea
- il-Qorti tal-Awdituri tivverifika l-finanzjament tal-attivitajiet tal-UE.
Is-setgħat u r-responsabbiltajiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet huma stabbiliti fit-Trattati, li huma l-bażi ta' dak kollu li tagħmel l-UE. Dawn jistabbilixxu wkoll ir-regoli u l-proċeduri li għandhom isegwu l-istituzzjonijiet tal-UE. It-Trattati jaqblu dwarhom il-Presidenti u/jew il-Prim Ministri tal-pajjiżi kollha tal-UE, u huma ratifikati mill-parlamenti tagħhom.
L-UE għandha għadd ieħor ta' istituzzjonijiet u ta' entitajiet interistituzzjonali li għandhom rwoli speċjalizzati:
- il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew jirrappreżenta s-soċjetà ċivili, lil min jimpjega u l-impjegati
- il-Kumitat tar-Reġjuni jirrappreżenta l-awtoritajiet reġjonali u lokali
- il-Bank Ewropew għall-Investiment jiffinanzja proġetti ta’ investiment tal-UE, u jgħin in-negozji ż-żgħar permezz tal-Fond ta’ Investiment Ewropew
- il-Bank Ċentrali Ewropew huwa responsabbli għall-politika monetarja Ewropea
- l-Ombudsman Ewropew jinvestiga l-ilmenti dwar tmexxija ħazina mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE.
- il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Dejta jissalvagwardja l-privatezza tad-dejta personali tan-nies
- l-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet jippubblika l-informazzjoni dwar l-UE
- l-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal jimpjega l-istaff għall-istituzzjonijiet tal-UE u entitajiet oħra
- l-Iskola Amministrattiva Ewropea għandha l-kompitu li tipprovdi taħriġ f'oqsma speċifiċi għal membri tal-istaff tal-UE
- għadd ta' aġenziji speċjalizzati u entitajiet deċentralizzati jwettqu firxa ta' kompiti tekniċi, xjentifiċi jew maniġerjali
- is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jassisti lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Esterni u ta' Politika tas-Sigurtà, bħalissa Catherine Ashton. Tippresiedi l-Kunsill tal-Affarijiet Esterni u tmexxi l-politika esterna u ta' sigurtà komuni, u tiżgura wkoll il-konsistenza u l-koordinazzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE.














