Il-Parlament Ewropew għandu tliet rwoli prinċipali:
- jiddibatti u jgħaddi il-liġijiet Ewropej, mal-Kunsill
- jiskrutinizza istituzzjonijiet oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Kummissjoni, sabiex jiżgura li dawn jaħdmu b’mod demokratiku
- jiddibatti u jadotta l-baġit tal-UE, mal-Kunsill.
Ħolqien tal-liġijiet Ewropej
F’ħafna oqsma, fosthom il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ambjent, il-Parlament jaħdem flimkien mal-Kunsill (li jirrappreżenta l-gvernijiet nazzjonali) sabiex jiddeċiedi dwar il-kontenut tal-liġijiet tal-UE u jadottahom b'mod uffiċjali. Dan il-proċess jissejjaħ "Proċedura leġiżlattiva ordinarja" (qabel kien jissejjaħ "kodeċiżjoni").
Skont it-Trattat ta' Lisbona, il-firxa ta' politiki koperti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja l-ġdida żdiedet, u b'hekk il-Parlament ingħata iżjed setgħa li jinfluwenza l-kontenut tal-liġijiet f'oqsma li jinkludu l-agrikoltura, il-politika tal-enerġija, l-immigrazzjoni u l-fondi tal-UE.
Il-Parlament għandu jagħti wkoll il-permess tiegħu għal deċiżjonijiet importanti oħra, bħal li jippermetti li pajjiżi ġodda jidħlu fl-UE.
Superviżjoni demokratika
Il-Parlament jeżerċita influwenza fuq l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra b’diversi metodi.
Meta tinħatar Kummissjoni ġdida, is-27 membru tagħha - wieħed minn kull pajjiż tal-UE - ma jistgħux jidħlu fil-kariga sakemm ma jkunux ġew approvati mill-Parlament. Jekk il-Membri tal-Parlament Ewropew ma japprovawx persuna li tkun ġiet nominata, jistgħu jirrifjutaw il-grupp kollu.
Il-Parlament jista’ wkoll isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex din tirriżenja waqt il-perjodu tagħha fil-kariga. Din tissejjaħ "mozzjoni ta’ ċensura".
Il-Parlament jissorvelja l-Kummissjoni billi jeżamina r-rapporti li tipproduċi u billi jagħmel domandi lill-Kummissarji. Il-kumitati tiegħu għandhom rwol importanti f'dan.
Il-MPE iħarsu lejn il-petizzjonijiet miċ-ċittadini u jwaqqfu kumitati ta' inkjesta.
Meta l-mexxejja nazzjonali jiltaqgħu għas-samits tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġetti fuq l-aġenda.
Superviżjoni tal-baġit
Il-Parlament jadotta l-baġit annwali tal-UE mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Parlament ghandu kumitat li jissorvelja kif jintefaq il-baġit, u kull sena jgħaddi ġudizzju fuq kif il-Kummissjoni tkun għamlet użu mill-baġit tas-sena ta’ qabel.
Kompożizzjoni
L-għadd ta’ MPE għal kull pajjiż hu bejn wieħed u ieħor proporzjonali mal-popolazzjoni tiegħu. Skont it-Trattat ta' Lisbona l-ebda pajjiż ma jista’ jkollu inqas minn 6 jew iżjed minn 96 MPE.
Madankollu, l-għadd kurrenti fil-Parlament kien stabbilit qabel ma daħal fis-seħħ it-trattat. L-għadd se jinbidel fil-mandat li jmiss tal-Parlament Ewropew. Ngħidu aħna, l-għadd ta' MPE għall-Ġermanja għalhekk se jitnaqqas minn 99 għal 96, filwaqt li għal Malta dan l-għadd se jiżdied minn 5 għal 6.
Il-MPE huma miġbura skont l-affiljazzjoni politika, u mhux skont in-nazzjonalità.
Lokazzjoni
Il-Parlament Ewropew għandu tliet postijiet minn fejn jaħdem – Brussell (il-Belġju), il-Lussemburgu u Strasburgu (Franza).
Il-Lussemburgu jilqa’ l-uffiċċji amministrattivi (is-‘Segretarjat Ġenerali').
Il-laqgħat tal-Parlament sħiħ, (‘sessjonijiet plenarji’), isiru fi Strasbourg u xi kultant fi Brussell. Il-laqgħat tal-Kumitat isiru wkoll fi Brussell.




