X'jagħmel?
Ir-rwol tiegħu hu doppju – jistabbilixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE, u jittratta ma’ kwistjonijiet kumplessi jew sensittivi li ma jistgħux jiġu riżolti f’livell iżjed baxx ta’ kooperazzjoni intergovernattiva.
Għalkemm influwenzali fit-twaqqif tal-aġenda politika tal-UE, m’għandux setgħat biex jgħaddi l-liġijiet.
Eżattament, min hu involut?
Il-Kunsill Ewropew iġib flimkien il-kapijiet tal-istat jew il-gvern ta’ kull pajjiż tal-UE, il-President tal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill Ewropew, li jmexxi l-laqgħat. Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika tal-Affarijiet Esteri u s-Sigurtà
jieħu sehem ukoll.
Min hu l-President tal-Kunsill?
Herman Van Rompuy huwa l-President tal-Kunsill Ewropew. It-tieni terminu ta’ kariga tiegħu beda fl-1 ta' Ġunju 2012 u jibqa' għaddej sat-30 ta' Novembru 2014.
Meta u fejn jiltaqa'?
Mill-inqas kull 6 xhur, għalkemm il-president tiegħu jista’ jsejjaħ laqgħa speċjali jekk ikun hemm bżonn. Normalment fi Brussell.
Kif jittieħdu d-deċiżjonijiet?
Il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi b'kunsens, minbarra fejn it-Trattati jistabbilixxu mod ieħor. F’xi każijiet, jadotta d-deċiżjonijiet bi qbil unanimu jew permezz ta' maġġoranza kkwalifikata, skont dak li jipprovdi t-Trattat.
Il-presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni, u r-Rappreżentant Għoli għall-Politika tal-Affarijiet Esteri u s-Sigurtà m’għandhomx vot.
Storja
Il-Kunsill Ewropew beda b’mod informali fl-1974 bħala forum għal diskussjoni bejn il-mexxejja tal-UE. Malajr żviluppa fl-entità li tiżviluppa l-għanijiet u l-prijoritajiet għall-UE.
Kiseb status formali fl-1992, fl-2009 sar wieħed minn 7 istituzzjonijiet uffiċjali tal-UE.












