Kompożizzjoni
27 Kummissarju, wieħed minn kull pajjiż tal-UE, jipprovdu t-tmexxija politika tal-Kummissjoni matul it-terminu ta’ 5 snin tagħhom. Kull Kummissarju hu assenjat responsabbiltà għal oqsma speċifiċi tal-politika mill-President.
Il-President attwali tal-Kummissjoni Ewropea hu José Manuel Barroso li beda t-tieni terminu ta' kariga tiegħu fi Frar 2010.
Il-President hu nnominat mill-Kunsill Ewropew. Il-Kunsill jaħtar ukoll lill-Kummissarji l-oħra bi qbil mal-President nominat.
Il-ħatra tal-Kummissarji kollha, inkluż il-President, hi soġġetta għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Waqt li jokkupaw il-kariga, ikunu responsabbli lejn il-Parlament, li għandu s-setgħa unika li jneħħi l-Kummissjoni.
It-tmexxija ta' kuljum tal-Kummissjoni ssir mill-istaff tal-Kummissjoni - amministraturi, avukati, tradutturi, ekonomisti, interpreti, staff segretarjali, eċċ. organizzati f'dipartimenti magħrufa bħala Direttorati Ġenerali (DĠ).
"Kummissjoni" tista’ tintuża biex tirreferi għal 27 Kummissarju individwali, l-istaff permanenti jew l-istituzzjoni sħiħa.
Għan
Il-Kummissjoni tirrappreżenta u żżomm l-interessi tal-UE b’mod ġenerali. Tħares u timplimenta l-politika tal-UE billi:
- tipproponi liġijiet ġodda għall-Parlament u l-Kunsill
- tamministra l-baġit tal-UE u talloka l-fondi
- tinforza l-liġi tal-UE (flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja)
- tirrappreżenta l-UE internazzjonalment, pereżempju, billi tinnegozja ftehim bejn l-UE u pajjiżi oħra.
1. Proposta ta’ liġijiet ġodda
Il-Kummissjoni għandha d-"dritt tal-inizjattiva" – tista’ tipproponi liġijiet ġodda biex tħares l-interessi tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. Dan tagħmlu biss fuq kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu riżolti b’mod effettiv fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali (prinċipju ta’ sussidjarjetà).
Meta l-Kummissjoni tipproponi liġi, tipprova tissodisfa l-firxa l-aktar wiesgħa possibbli ta’ interessi. Sabiex iġġib id-dettalji tekniċi korretti, tikkonsulta lill-esperti permezz ta’ diversi kumitati u gruppi. Tagħmel ukoll konsultazzjonijiet pubbliċi.
Id-dipartimenti tal-Kummissjoni jipproduċu abbozz tal-liġi l-ġdida proposta. Jekk mill-inqas 14 minn 27 Kummissarju jaqblu magħha, l-abbozz imbagħad jintbagħat lill-Kunsill u lill-Parlament. Wara li jiġi diskuss u emendat l-abbozz, jiddeċiedu jekk jadottawhx bħala liġi.
2. Ġestjoni tal-baġit tal-UE u allokazzjoni ta’ fondi
Flimkien mal-Kunsill u l-Parlament, il-Kummissjoni tistabbilixxi prijoritajiet ta’ nfiq wiesgħa fuq perjodu ta’ żmien twil għall-UE fil-"qafas finanzjarju" tal-UE. Tfassal ukoll baġit annwali għall-approvazzjoni mill-Parlament u l-Kunsill, u tissorvelja kif jintefqu l-fondi tal-UE - minn aġenziji u awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, pereżempju. Il-ġestjoni tal-baġit min-naħa tal-Kummissjoni jiġi skrutinizzat mill-Qorti tal-Awdituri.
Il-Kummissjoni tamministra l-fondi għall-politika tal-UE (eż. agrikoltura u żvilupp rurali) u programmi bħal "Erasmus" (skambji ta’ studenti).
3. Infurzar tal-liġi Ewropea
Bħala "għassies tat-Trattati", il-Kummissjoni tivverifika li kull stat membru jkun qed japplika l-liġi tal-UE b’mod xieraq.
Jekk taħseb li gvern nazzjonali jkun qed jonqos milli japplika l-liġi tal-UE, il-Kummissjoni l-ewwel tibgħat ittra uffiċjali fejn titolbu biex jikkoreġi l-problema. Bħala l-aħħar soluzzjoni, il-Kummissjoni tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tista’ timponi penali, u d-deċiżjonijiet tagħha jkunu jorbtu fuq il-pajjiżi u l-istituzzjonijiet tal-UE.
4. Rappreżentanza tal-UE internazzjonalment
Il-Kummissjoni titkellem għan-nom tal-pajjiżi kollha tal-UE f'korpi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ.
Tinnegozja wkoll ftehim internazzjonali għall-UE bħall-Ftehim ta' Cotonou (dwar l-għajnuna u l-kummerċ bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku).
Lokazzjoni
Il-Kummissjoni hi bbażata fi Brussell u l-Lussemburgu u għandha uffiċċji (rappreżentanzi) f’kull pajjiż tal-UE u delegazzjonijiet fl-ibliet kapitali madwar id-dinja.











