X’jagħmel l-EDPS?
Meta istituzzjonijiet jew korpi tal-UE jipproċċessaw dejta personali dwar xi persuna identifikabbli, dawn għandhom jirrispettaw id-dritt ta’ dik il-persuna għall-privatezza. L-EDPS jiżgura illi dawn jagħmlu dan, u jagħtihom parir dwar l-aspetti kollha tal-ipproċessar tad-dejta personali.
‘L-ipproċċessar’ ikopri attivitajiet bħal m’huma l-ġbir ta’ informazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-ħażna tagħha, l-irkupru tagħha għal konsultazzjoni, it-trażmissjoni jew id-disponibbiltà tagħha lil nies oħrajn, kif ukoll l-ibblokkjar, it-tħassir jew il-qerda tad-dejta.
Jeżistu regoli stretti ta’ privatezza li jirregolaw dawn l-attivitajiet. Pereżempju, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE mhumiex permessi jipproċċessaw dejta personali li tikxef l-oriġini razzjali jew etnika tiegħek, l-opinjonijiet politiċi tiegħek, it-twemmin filosofiku jew reliġjuż jew l-isħubija tiegħek f’xi trejdjunjin. Lanqas ma jistgħu jipproċċessaw dejta dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali tiegħek, sakemm din id-dejta ma tkunx meħtieġa għall-għanijiet ta’ kura ta’ saħħa. Hawn ukoll, id-dejta għandha tiġi pproċċessata minn professjonist fil-qasam tas-saħħa jew xi persuna oħra marbuta b'ġurament ta' segretezza.
L-EDPS jaħdem mal-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Dejta f’kull istituzzjoni jew korp tal-UE sabiex jiżgura illi r-regoli tal-privatezza tad-dejta huma applikati.
Fl-2009, Is-Sur Peter Hustinx reġa' nħatar bħala Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u s-Sur Giovanni Buttarelli ġie nnominat bħala Assistant Kontrollur. Il-mandat tagħhom jintemm f'Jannar 2014.
Kif jista’ jgħinek l-EDPS ?
Jekk int għandek raġuni li ġġagħlek taħseb li d-dritt għall-privatezza tiegħek ġie mittiefes minn istituzzjoni jew entità tal-UE, l-ewwel ma għandek tagħmel hu li tindirizza lill-persuni responsabbli għall-ipproċessar. Jekk ma tkunx sodisfatt bir-riżultat ta’ dan, għandek tikkuntattja lill-uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta rilevanti (l-ismijiet jinsabu fil-websajt tal-KEPD). Tista’ wkoll tibgħat l-ilment tiegħek lill-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Dejta, li jinvestiga l-ilment tiegħek u jgħarrfek dwar ir-riżultat mill-aktar fis possibbli. Pereżempju, il-KEPD jista’ jordna lill-istituzzjoni jew l-entità konċernata biex tikkoreġi, timblokka, tħassar jew teqred dejta personali li pproċessat b’mod illegali.
Jekk ma taqbilx mad-deċiżjoni tiegħu, tista’ tieħu dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
