Għan
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) hu wieħed mill-istituzzjonijiet tal-UE. L-għanijiet ewlenin tiegħu huma li:
- iżomm il-prezzijiet stabbli (iżomm l-inflazzjoni taħt kontroll), speċjalment fil-pajjiżi li jużaw l-ewro.
- iżomm is-sistema finanzjarja stabbli - billi jiżgura li s-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji huma sorveljati kif imiss.
Il-Bank jaħdem mal-Banek Ċentrali fis-27 pajjiż tal-UE. Flimkien dawn jiffurmaw is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ).
Imexxi wkoll il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-banek ċentrali fiż-żona ewro - is-17-il pajjiż tal-UE li adottaw l-ewro, magħrufa wkoll bħala ż-żona ewro. Il-kooperazzjoni bejn dan il-grupp iżgħar ta' banek hi magħrufa bħala l-Eurosistema.
Kompiti
Ir-rwoli tal-BĊE jinkludu:
- l-iffissar ta' rati ta' interessi ewlenin
għaż-żona ewro u l-kontroll tal-provvista tal-flus
- il-ġestjoni tar-riżervi tal-munita barranija taż-żona ewro kif ukoll ix-xiri u l-bejgħ ta' muniti meta dan ikun meħtieġ biex jinżamm il-bilanċ tar-rati tal-kambju.
- jgħin jiżgura li s-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu sorveljati kif xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali, u li s-sistemi ta' pagament jaħdmu bla intoppi
- jawtorizza lill-banek ċentrali fil-pajjiżi taż-żona ewro joħorġu l-flus ewro
- jissorvelja t-tendenzi fil-prezzijiet u jevalwa r-riskju li dawn ipoġġu għall-istabilità tal-prezzijiet
Lista sħiħa tal-kompiti tal-BĊE
Struttura
Il-BĊE għandu dawn l-entitajiet li ġejjin li jieħdu d-deċiżjonijiet:
- il-Bord Eżekuttiv - iħares il-ġestjoni ta’ kuljum. Għandu 6 membri (president, viċi-president u 4 membri oħra) maħtura għal 8 snin mill-mexxejja tal-pajjiżi taż-żona ewro.
- il-Kunsill Governattiv - jiddefinixxi l-politika monetarja taż-żona ewro u jistabbilixxi r-rati tal-interess li bihom il-banek kummerċjali jistgħu jiksbu l-flus mill-Bank Ċentrali. Dan jikkonsisti fil-Bord Eżekuttiv u l-gvernaturi tas-17-il bank ċentrali nazzjonali fiż-żona ewro.
- il-Kunsill Ġenerali - jikkontribwixxi għax-xogħol ta' pariri u koordinazzjoni tal-BĊE u jgħin lill-pajjiżi ġodda jħejju ruħhom biex jingħaqdu maż-żona ewro. Dan jikkonsisti fil-President u l-Viċi-President tal-BĊE u l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tas-27 pajjiżi kollha tal-UE.
Il-BĊE hu kompletament indipendenti. Il-BĊE, il-banek ċentrali nazzjonali fl-Eurosistema, u ebda membru tal-entitajiet tagħhom tat-teħid tad-deċiżjonijiet ma jistgħu jitolbu jew jaċċettaw struzzjonijiet minn kwalunkwe entità oħra. L-istituzzjonijiet u l-gvernijiet kollha tal-UE għandhom jirrispettaw dan il-prinċipju wkoll.






