Kompożizzjoni
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha mħallef għal kull pajjiż tal-UE.
Il-Qorti hi megħjuna minn tmien "avukati-ġenerali" li x-xogħol tagħhom hu li jippreżentaw opinjonijiet dwar il-kawżi li jinġiebu quddiem il-Qorti. Dan iridu jagħmluh b’mod pubbliku u imparzjali.
Kull imħallef u avukat-ġenerali jinħatar għal terminu ta’ sitt snin, li jista’ jiġġedded. Il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE jaqblu fuq min iridu jaħtru.
Sabiex tgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tlaħħaq mal-għadd kbir tal-kawżi li jinġiebu quddiemha, u sabiex toffri liċ-ċittadini protezzjoni legali aħjar, "Qorti Ġenerali" tittratta l-kawżi li jinġiebu quddiemha minn individwi privati, kumpaniji u xi organizzazzjonijiet, u kawżi relatati mal-liġi tal-kompetizzjoni.
It-"Tribunal tas-Servizz Ċivili tal-UE" jieħu deċiżjonijiet dwar tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-istaff tagħha.
Tipi ta’ kawżi
Il-Qorti tieħu deċiżjonijiet dwar il-kawżi li jinġiebu quddiemha. L-iżjed ħames tipi komuni ta' kawżi huma:
- talbiet għal deċiżjoni preliminari – meta l-qrati nazzjonali jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta punt tal-liġi tal-UE
- azzjonijiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – li jinġiebu kontra l-gvernijiet tal-UE talli ma jkunux applikaw il-liġi tal-UE
- azzjonijiet għal annullament – kontra liġijiet tal-UE li huma maħsuba li jiksru t-trattati tal-UE jew id-drittijiet fundamentali
- azzjonijiet għal nuqqas ta’ aġir – jinġiebu kontra l-istituzzjonijiet tal-UE talli jonqsu milli jieħdu deċiżjonijiet meħtieġa minnhom
- azzjonijiet diretti – jinġiebu minn individwi, kumpaniji jew organizzazzjonijiet kontra deċiżjonijiet jew azzjonijiet tal-UE
1. Proċedura għal deċiżjoni preliminari
Il-qrati nazzjonali f’kull pajjiż tal-UE huma responabbli biex jiżguraw li l-liġi tal-UE tiġi applikata kif xieraq f’dak il-pajjiż. Imma hemm ir-riskju li l-qrati ta’ pajjiżi differenti jistgħu jinterpretaw il-liġi tal-UE b’modi differenti.
Sabiex dan ma jsirx, teżisti "proċedura għal deċiżjoni preliminari". Jekk qorti nazzjonali jkollha dubju dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta' liġi tal-UE, tista’ – u xi drabi għandha – titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-parir. Dan il-parir jissejjaħ "deċiżjoni preliminari".
2. Proċedimenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
Il-Kummissjoni tista’ tibda dawn il-proċedimenti jekk temmen li Stat Membru qed jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-liġi tal-UE. Dawn il-proċeduri jistgħu wkoll jinbdew minn pajjiż ieħor tal-UE.
Ikun x’ikun il-każ, il-Qorti tinvestiga l-allegazzjonjijiet u tagħti s-sentenza tagħha. Jekk il-pajjiż jinstab li kien fi ksur, irid jirrimedja l-affarijiet minnufih. Jekk il-Qorti ssir taf li l-pajjiż ma segwiex id-deċiżjoni tagħha, tista’ timmultah.
3. Azzjonijiet għal annullament
Jekk kwalunkwe pajjiż tal-UE, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew (taħt ċerti kundizzjonijiet) il-Parlament ikunu tal-fehma li liġi partikolari tal-UE tkun illegali, jistgħu jitolbu lill-Qorti biex tannullaha.
"Azzjonijiet għal annullament" jistgħu jintużaw ukoll minn individwi privati li jridu li l-Qorti tikkanċella liġi partikolari għax taffetwahom direttament u negattivament bħala individwi.
Jekk il-Qorti ssib li l-liġi inkwistjoni ma ġietx korrettament adottata jew mhijiex korrettament ibbażata fuq it-Trattati, tista’ tiddikjara li dik il-liġi tkun nulla u bla effett.
4. Azzjonijiet għal nuqqas ta’ aġir
It-Trattat jirrikjedi li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jieħdu ċerti deċiżjonijiet taħt ċerti ċirkostanzi. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, l-istati membri, istituzzjonijiet oħra tal-Komunità (u taħt ċerti kundizzjonijiet) individwi jew kumpaniji jistgħu jissottomettu lment mal-Qorti sabiex dan in-nuqqas ta’ aġir jiġi uffiċjalment irreġistrat.
5. Azzjonijiet diretti
Kwalunkwe persuna jew kumpanija li tkun sofriet ħsara minħabba xi azzjoni li saret jew li ma saritx mill-Komunità jew l-istaff tagħha, tista’ tiftaħ kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fejn titlob kumpens.
Kif jinstemgħu l-kawżi
Imħallef u avukat ġenerali jiġu assenjati għal kull kawża li tiġi quddiem il-Qorti.
Il-kawżi sottomessi quddiem il-qorti huma proċessati f’żewġ stadji: stadju bil-miktub u stadju orali.
1. Stadju bil-miktub
L-ewwel nett, il-partijiet kollha involuti jippreżentaw dikjarazzjoni bil-miktub lill-imħallef responsabbli għall-kawża. L-imħallef imbagħad jikteb sommarju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u l-isfond legali tal-kawża.
2. Stadju orali
It-tieni stadju hu s-smigħ pubbliku. Skont kemm tkun kumplessa l-kawża, dan jista’ jsir quddiem bord ta’ 3, 5 jew 13-il imħallef jew quddiem il-Qorti kollha. Fis-smigħ, l-avukati miż-żewġ naħat jippreżentaw il-każ tagħhom lill-imħallfin u l-avukat ġenerali, li jistgħu jagħmlulhom mistoqsijiet.
L-avukat ġenerali mbagħad jagħti l-opinjoni tiegħu. Wara dan, l-imħallfin jiddiskutu l-kawża flimkien u jagħtu s-sentenza tagħhom.
L-avukati ġenerali huma mitluba li jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq il-kawża biss meta l-Qorti tkun tal-fehma li l-kawża partikolari tqajjem punt ġdid tal-liġi. Mhuwiex meħtieġ li l-Qorti timxi skont l-opinjoni tal-avukat ġenerali.
Is-sentenzi tal-Qorti huma deċiżjonijiet ta’ maġġoranza u jinqraw waqt smigħ pubbliku. Spiss, jixxandru filmati tas-smigħ fuq it-televiżjoni (Europe by Satellite ![]()
).
Il-proċedura għas-smigħ fil-Qorti Ġenerali hi simili, ħlief li ma tingħata l-ebda opinjoni minn avukat-ġenerali.
