Qorti tal-Awdituri tal-UE

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tivverifika l-finanzi tal-UE. Ir-rwol tagħha hu li ttejjeb il-ġestjoni finanzjarja tal-UE u tirrapporta dwar l-użu tal-fondi pubbliċi. Twaqqfet fl-1975 u hi bbażata fil-Lussemburgu.

Skop:

Sabiex jiġi żgurat li dawk li jħallsu t-taxxa fl-UE jieħdu l-valur massimu għall-flus tagħhom, il-Qorti tal-Awdituri għandha d-dritt li tivverifika ("tawditja") kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tiġġestixxi l-fondi tal-UE. Il-Qorti spiss twettaq verifiki fuq il-post. Is-sejbiet tagħha huma miktuba f'rapporti sottomessi lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali tal-UE.

Il-Qorti tal-Awdituri m’għandha l-ebda setgħat legali tagħha. Jekk l-awdituri jiskopru frodi jew irregolaritajiet, jinfurmaw lill-OLAF – l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi.

Kompiti:

Wieħed mill-iżjed xogħlijiet importanti tal-Qorti hu li tippreżenta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill b’rapport annwali dwar is-sena finanzjarja ta’ qabel (ir-"rilaxx annwali"). Il-Parlament jeżamina r-rapport tal-Qorti bir-reqqa qabel jiddeċiedi jekk għandux japprova jew le l-mod li bih il-Kummissjoni tkun iġġestixxiet il-baġit.

Il-Qorti għandha tagħti l-opinjoni tagħha wkoll dwar il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE u dwar kif għandha tgħin lill-UE biex tikkombatti l-frodi.

L-awdituri spiss iwettqu spezzjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-UE, stati membri u pajjiżi li jirċievu l-għajnuna mill-UE. Filwaqt li x-xogħol tal-Qorti jinvolvi primarjament il-flus li għalihom hi responsabbli l-Kummissjoni, fil-prattika 80% tad-dħul u l-infiq hu ġestit mill-awtoritajiet nazzjonali.

Kompożizzjoni:

Sabiex tkun tista’ tiffunzjona tajjeb, il-Qorti tal-Awdituri għandha tibqa’ kompletament indipendenti mill-istituzzjonijiet l-oħra iżda għandha żżomm kuntatt kontinwu magħhom.

Il-Qorti għandha membru wieħed minn kull pajjiż tal-UE maħtur mill-Kunsill għal terminu ta’ sitt snin (li jiġġedded). Il-membri jeleġġu wieħed minn fosthom bħala President għal terminu ta’ tliet snin (li jiġġedded ukoll). Vítor Manuel da Silva Caldeira, mill-Portugall, ġie elett President f’Jannar 2008.

Organizzazzjoni:

Il-Qorti tal-Awdituri għandha staff ta' madwar 800 impjegat, inklużi tradutturi u amministraturi kif ukoll awdituri. L-awdituri huma maqsuma fi "gruppi tal-awditjar". Dawn jipprepraw abbozzi ta’ rapporti li fuqhom il-Qorti tieħu d-deċiżjonijiet.


Filmati

 Ara wkoll