X'jagħmel?
- Ifassal il-liġijiet tal-UE.
- Jikkoordina l-politika ekonomika ġenerali tal-Istati Membri tal-UE.
- Jiffirma ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi oħra.
- Japprova l-baġit annwali tal-UE
- Jiżviluppa l-politika barranija u tad-difiża tal-UE.
- Jikkoordina l-kooperazzjoni bejn il-qrati u l-forzi tal-pulizija tal-Istati Membri.
1. It-tfassil ta’ liġijiet tal-UE
Il-Kunsill u l-Parlament jaqsmu d-deċiżjoni finali dwar liġijiet ġodda tal-UE proposti mill-Kummissjoni.
2. Koordinazzjoni ta’ politika ekonomika
L-Istati Membri tal-UE ddeċidew li jridu politika ekonomika ġenerali għall-Ewropa, koordinata mill-ministri tal-ekonomija u l-finanzi ta’ kull pajjiż.
Għan ieħor huwa li jinħolqu iżjed xogħlijiet u li jitjiebu s-sistemi edukattivi, tal-kura tas-saħħa u tal-benesseri. Għalkemm kull pajjiż hu responsabbli għall-politika tiegħu, jistgħu jaqblu fuq għanijiet komuni u jitgħallmu mill-esperjenza ta’ xulxin.
3. L-iffirmar ta’ ftehimiet internazzjonali
Il-Kunsill jiffirma ftehimiet għan-nom tal-UE – dwar suġġetti diversi bħall-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, it-tessuti, is-sajd, ix-xjenza, it-teknoloġija u t-trasport.
4. Approvazzjoni tal-baġit tal-UE
Il-flus li l-UE tista’ tonfoq kull sena jiġi deċiż b’mod konġunt mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.
5. Politika barranija u tad-difiża
Il-gvernijiet nazzjonali għandhom kontroll indipendenti f'dawn l-oqsma, iżda qed jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw politika barranija u tad-difiża konġunta (magħrufa bħala l-"Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni"). Il-Kunsill hu l-forum ewlieni għal din il-kooperazzjoni.
L-UE m’għandhiex armata. Iżda sabiex jgħinuha tirrispondi b’mod iżjed veloċi għal kunflitti internazzjonali u diżastri nazzjonali, xi pajjiżi tal-UE jipprovdu truppi għal forza ta’ reazzjoni rapida, li għandha rwol limitat għal xogħol umanitarju, salvataġġi u żamma tal-paċi.
6. Ġustizzja
Iċ-ċittadini tal-UE għandu jkollhom aċċess ugwali għall-ġustizzja kull fejn ikunu fl-UE. Fil-Kunsill, il-ministri tal-ġustizzja jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li s-sentenzi tal-qrati f'pajjiż wieħed tal-UE – fuq każijiet ta’ divorzju, pereżempju – jiġu rikonoxxuti fil-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE.
Il-ministri tal-ġustizzja u l-intern jikkoordinaw ix-xogħol tal-pulizija tal-fruntieri esterni tal-UE, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata fuq livell internazzjonali.
Min huma l-membri tal-Kunsill?
M’hemmx membri fissi fuq dan il-Kunsill. F’kull laqgħa tal-Kunsill, kull pajjiż jibgħat il-ministru għall-qasam tal-politika li jkun qed jiġi diskuss – eż. il-ministru tal-ambjent għal-laqgħa li tittratta l-kwistjonijiet ambjentali. Dik il-laqgħa mbagħad tissejjaħ il-"Kunsill Ambjentali".
Min imexxi l-laqgħat?
Il-Kunsill tal-ministri barranin għandu president permanenti - ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-politika estera u ta’ sigurtà
.
Il-laqgħat l-oħra kollha tal-Kunsill huma mmexxija mill-ministru rilevanti tal-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-UE li dejjem timxi minn pajjiż għall-ieħor.
Pereżempju, kull laqgħa tal-Kunsill tal-ambjent fil-perjodu meta l-Estonja jkollha l-presidenza tkun immexxija mill-Ministru tal-Ambjent Estonjan.
Presidenzi 2011- 2020
- L-Ungerija Jannar-Ġunju 2011
- Il-Polonja Lulju-Diċembru 2011
- Id-Danimarka Jannar-Ġunju 2012
- Ċipru Lulju-Diċembru 2012
- L-Irlanda Jannar-Ġunju 2013
- Il-Litwanja Lulju-Diċembru 2013
- Il-Greċja Jannar-Ġunju 2014
- L-Italja Lulju-Diċembru 2014
- Il-Latvja Jannar-Ġunju 2015
- Il-Lussemburgu Lulju-Diċembru 2015
- Il-Pajjiżi l-Baxxi Jannar-Ġunju 2016
- Is-Slovakkja Lulju-Diċembru 2016
- Malta Jannar-Ġunju 2017
- Ir-Renju Unit Lulju-Diċembru 2017
- L-Estonja Jannar-Ġunju 2018
- Il-Bulgarija Lulju-Diċembru 2018
- L-Awstrija Jannar-Ġunju 2019
- Ir-Rumanija Lulju-Diċembru 2019
- Il-Finlandja Jannar-Ġunju 2020
Votazzjoni
Bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet fil-Kunsill tal-UE jittieħdu b'maġġoranza kkwalifikata. Iżjed ma tkun kbira l-popolazzjoni ta’ pajjiż, iżjed ikollu voti, iżda fil-fatt l-għadd jiġi aġġustat favur il-pajjiżi inqas popolati:
- Il-Ġermanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit: 29 vot
- Spanja u l-Polonja: 27
- Ir-Rumanija: 14
- Il-Pajjiżi l-Baxxi: 13
- Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija u l-Portugall: 12
- L-Awstrija, il-Bulgarija u l-Isvezja: 10
- Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Litwanja, Is-Slovakkja u l-Finlandja: 7
- Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Lussemburgu u s-Slovenja: 4
- Malta: 3
TOTAL: 345
Meta jivvota l-Kunsill, tapplika l-"votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata". Maġġoranza kkwalifikata tintlaħaq meta:
- maġġoranza (xi drabi anke ta’ żewġ terzi) tas-27 pajjiż tal-UE jivvutaw favur
- jintefgħu 255 mit-345 vot possibbli
Barra minn dan, stat membru jista’ jitlob għal verifika biex jara jekk il-maġġoranza tirrappreżentax minimu ta’ 62% tal-popolazzjoni totali. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-proposta ma tistax tiġi aċċettata.
F’voti li jikkonċernaw suġġetti sensittivi – bħas-sigurtà u l-affarijiet esterni u t-tassazzjoni – id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill għandhom ikunu unanimi. Dan ifisser li pajjiż wieħed waħdu jista' jagħmel veto ta' deċiżjoni.
Mill-2014 se tiġi introdotta sistema magħrufa bħala "votazzjoni b’maġġoranza doppja".
Sabiex proposta tgħaddi, tkun teħtieġ l-appoġġ ta’ 2 tipi ta’ maġġoranza: maġġoranza tal-pajjiżi (mill-inqas 15) u maġġoranza tal-popolazzjoni totali tal-UE (il-pajjiżi favur iridu jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE).











