Rwol
Ir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni (CoR) hu li jikkomunika l-opinjonijiet lokali u reġjonali dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jagħmlu billi jippubblika rapporti (‘opinjonijiet’), dwar il-proposti tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jikkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet mill-UE dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-gvern lokali u reġjonali (pereżempju dwar politika tax-xogħol, l-ambjent, l-edukazzjoni jew is-saħħa pubblika).
Membri
Il-Kumitat tar-Reġjuni bħalissa għandu 344 membru (u daqstant membri sostituti) minn 27 pajjiż tal-UE.
Jekk ikun hemm iżjed tkabbir tal-UE, l-għadd ta’ membri (u alternati) jista’ jiżdied għal massimu ta’ 350.
Il-membri u l-alternati jinħatru għal perjodu ta' ħames snin mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposti mill-pajjiżi tal-UE. Kull pajjiż jagħżel il-membri tiegħu bil-mod tiegħu, iżda d-delegazzjonijiet kollha jirriflettu l-bilanċ politiku, ġeografiku u reġjonali/lokali fil-pajjiż tagħhom.
Il-membri huma membri eletti, jew atturi prinċipali, ta’ awtoritajiet lokali jew reġjonali fir-reġjun ta’ pajjiżhom.
Struttura
Il-CoR ikollu ħames sessjonijiet plenarji kull sena, sabiex jiddefinixxi l-politika ġenerali u jadotta l-opinjonijiet.
Hemm sitt ‘kummissjonijiet’ biex jikkunsidraw oqsma differenti ta’ politika u jippreparaw l-opinjonijiet biex jiġu diskussi fis-sessjonijiet plenarji:
- koeżjoni territorjali
- Politika ekonomika u soċjali
- L-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura
- Ambjent, tibdil fil-klima u enerġija
- Ċittadinanza, governanza, affarijiet istituzzjonali u esterni
- Riżorsi naturali
Il-Kumitat jadotta wkoll riżoluzzjonijiet dwar kwistjonijiet politiċi tematiċi.
Hemm erba’ gruppi politiċi li huma rappreżentati fil-CoR, li jirriflettu l-familji politiċi Ewropej ewlenin:
- Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (EPP)
- Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PES)
- Grupp tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE)
- Unjoni għal Ewropa tan-Nazzjonijiet – Alleanza Ewropea (UEN-EA).
Rwol iżjed importanti wara t-Trattat ta’ Lisbona
Taħt it-Trattat ta’ Lisbona, il-Kummissjoni Ewropea issa għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom madwar l-UE sa mill-fażi pre-leġiżlattiva. Il-CoR, bħala l-vuċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, hu involut ħafna f’din il-proċedura.
Ladarba l-Kummissjoni tkun għamlet proposta leġiżlattiva, ikollha terġa’ tikkonsulta lill-CoR jekk il-proposta tkun tikkonċerna waħda mill-ħafna oqsma ta’ politika li jolqtu b’mod dirett l-awtoritajiet lokali u reġjonali.



