Mogħdija tan-navigazzjoni

L-istorja tal-Unjoni Ewropea

Il-Missirijiet Fundaturi tal-UE

Il-mexxejja viżjonarji li ġejjin ispiraw il-ħolqien tal-Unjoni Ewropea li ngħixu fiha. Mingħajr l-enerġija u l-motivazzjoni tagħhom, ma konniex ngħixu fl-isfera ta' paċi u stabilità li aħna drajna fiha. Mill-ġellieda ta' reżistenza sal-avukati, il-missirijiet fundaturi kienu grupp ta' persuni minn sfondi differenti li ħaddnu l-istess ideali: Ewropa fil-paċi, magħquda u prosperuża. Minbarra l-missirijiet fundaturi deskritti hawn taħt, ħafna oħrajn ħadmu bla heda favur il-proġett Ewropew li huma stess ispiraw. Għaldaqstant, din it-taqsima dwar il-missirijiet fundaturi għadha f’fażi ta’ kostruzzjoni.

Aqra aktar dwar il-Missirijiet Fundaturi tal-UE

1945 - 1959

Ewropa paċifika – il-bidu tal-kooperazzjoni

L-Unjoni Ewropea titwaqqaf biex jispiċċaw il-gwerer spissi u kollha dmija bejn il-ġirien, li kienu laħqu l-ogħla punt tagħhom fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fis-snin ħamsin, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar tibda tgħaqqad il-pajjiżi Ewropej mil-lat ekonomiku u politiku biex tiżgura paċi dejjiema. Is-sitt fundaturi huma l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi. Il-ħamsinijiet huma ddominati mill-gwerra bierda bejn il-Lvant u l-Punent. Il-protesti fl-Ungerija kontra r-reġim Komunista jitrażżnu mit-tankijiet Sovjetiċi fl-1956; is-sena ta' wara, fl-1957, l-Unjoni Sovjetika tieħu t-tmun fit-tellieqa għall-ispazju, meta tniedi l-ewwel satellita tal-ispazju mibnija mill-bniedem, Sputnik 1. Fl-1957 ukoll, it-Trattat ta' Ruma joħloq il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), jew is-'Suq Komuni'.

Aqra aktar dwar is-snin 1945 - 1959

1960 - 1969

L-eċċellenti snin sittin – żmien ta' tkabbir ekonomiku

Fis-sittinijiet titwieled 'kultura żagħżugħa', u gruppi mużikali bħall-Beatles jibdew jattiraw folol kbar ta' żgħażagħ kull fejn jidhru, u b'hekk titqanqal rivoluzzjoni kulturali u jitwessa' d-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet. Hu perjodu tajjeb għall-ekonomija, megħjun bil-fatt li l-pajjiżi tal-UE ma jibqgħux jitolbu d-dazji fin-negozju bejniethom. Jaqblu wkoll dwar kontroll konġunt fuq il-produzzjoni tal-ikel biex kulħadd ikollu biżżejjed x'jiekol - u f'qasir żmien ikun hemm saħansitra produzzjoni agrikola eċċessiva. Ix-xahar ta' Mejju 1968 isir magħruf għall-irvellijiet tal-istudenti f'Pariġi, u ħafna tibdil fis-soċjetà u l-komportament jibdew jiġu assoċjati mal-'ġenerazzjoni tal-1968'.

Aqra aktar dwar id-deċennju 1960 - 1969

1970 - 1979

Komunità tiżviluppa – l-ewwel tkabbir tal-UE

Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Jannar 1973, biex issa l-għadd ta' Stati Membri jitla' għal disgħa. Il-gwerra qasira, iżda brutali bejn l-Għarab u l-Iżraeljani ta' Ottubru 1973 tikkaġuna kriżi tal-enerġija u problemi ekonomiċi fl-Ewropa. L-aħħar dittaturi tal-lemin fl-Ewropa jispiċċaw bil-waqa' tar-reġim ta' Salazar fil-Portugall fl-1974 u bil-mewt tal-Ġeneral Franco ta' Spanja fl-1975. Il-politika reġjonali tal-UE tibda tittrasferixxi ħafna fondi għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-infrastruttura fiż-żoni l-foqra. Il-Parlament Ewropew iżid l-influwenza tiegħu fil-kwistjonijiet tal-UE u fl-1979, għall-ewwel darba, iċ-ċittadini kollha jivvutaw direttament għall-membri tagħhom.

Aqra aktar dwar id-deċennju 1970 - 1979

1980 - 1989

Wiċċ ġdid għall-Ewropa - il-waqa' tal-ħajt ta' Berlin

It-trejdjunjin Pollakka, Solidarność, u l-mexxej tagħha Lech Walesa, isiru famużi fl-Ewropa u fid-dinja wara l-istrajks fit-tarzna fis-sajf 1980. Fl-1981 il-Ġreċja ssir l-għaxar membru tal-UE u Spanja u l-Portugall jingħaqdu wkoll ħames snin wara. Fl-1987 jiġi ffirmat l-Att Uniku Ewropew. Dan it-trattat hu l-bażi għal programm vast ta' sitt snin maħsub biex ineħħi l-ostakli għall-kummerċ bejn il-fruntieri tal-UE biex b'hekk joħloq is-'Suq Uniku'. Fid-9 ta' Novermbru 1989 isseħħ taqliba politika ewlenija, bil-waqa' tal-ħajt ta' Berlin u għall-ewwel darba wara 28 sena tinfetaħ il-fruntiera bejn il-Lvant u l-Punent tal-Ġermanja biex b'hekk issir ir-riunifikazzjoni tal-pajjiż meta l-Ġermanja tal-Lvant u tal-Punent jingħaqdu f'Ottubru 1990.

Aqra aktar dwar id-deċennju 1980 - 1989

1990 - 1999

Ewropa bla fruntieri

Bil-waqa' tal-komuniżmu fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, l-Ewropej isiru ġirien eqreb. Fl-1993 is-Suq Uniku jitlesta bl-'erba' libertajiet' tal-moviment tal-prodotti, tas-servizzi tan-nies u tal-flus. Fid-disgħinijiet jinkitbu żewġ trattati, it-Trattat ta' Maastricht dwar l-Unjoni Ewropea fl-1993 u t-Trattat ta' Amsterdam fl-1999. In-nies jibdew jaħsbu kif jistgħu jħarsu l-ambjent u wkoll kif l-Ewropej jistgħu jaġixxu flimkien rigward kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża. Fl-1995 l-UE tikseb tliet membri ġodda - l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja. Villaġġ żgħir fil-Lussemburgu jagħti l-isem lill-ftehimiet ta' Schengen li bil-mod il-mod jippermettu lill-persuni jivvjaġġaw mingħajr il-verifika tal-passaport fil-fruntieri. Miljuni ta' żgħażagħ jibdew jistudjaw barra minn pajjiżhom grazzi għall-appoġġ tal-UE. Il-komunikazzjoni ssir iktar faċli u iktar u iktar nies jibdew jużaw il-mowbajls u l-internet.

Aqra aktar dwar id-deċennju 1990 - 1999

2000 – 2009

Aktar espansjoni

L-ewro ssir il-munita ġdida għal bosta Ewropej. Il-11 ta' Settembru 2001 jsir sinonimu mal-'Gwerra kontra t-Terrur' wara li jinħatfu linji tal-ajru u jittajru f'bini fi New York u f'Washington Il-pajjiżi tal-UE jibdew jaħdmu iktar mill-qrib flimkien biex jiġġieldu l-kriminalità. Finalment, id-diviżjonijiet politiċi bejn l-Ewropa tal-lvant u dik tal-punent huma ddikjarati mfejqa hekk kif xejn inqas minn 10 pajjiżi ġodda jissieħbu fl-UE fl-2004, segwiti minn tnejn oħra fl-2007. F’Settembru 2008, kriżi finanzjarja tolqot lill-ekonomija globali u dan iwassal għal kooperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-UE. It-Trattat ta’ Lisbona jiġi ratifikat mill-pajjiżi kollha tal-UE qabel ma dan jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. Jipprovdi lill-UE b’istituzzjonijiet moderni u b’metodi ta’ ħidma li huma iktar effiċjenti.

Aqra aktar dwar id-deċennju 2000 - 2009

2010 – illum

Deċennju ta’ opportunitajiet u sfidi

Id-deċennju l-ġdid jibda bi kriżi ekonomika severa, iżda wkoll bit-tama li investimenti f’teknoloġiji li jibżgħu għall-ambjent u li ma jagħmlux ħsara lill-klima kif ukoll kooperazzjoni Ewropea eqreb iġibu tkabbir u benesseri dewwiema.

Aqra aktar dwar id-deċennju 2010 - illum