Mogħdija tan-navigazzjoni
L-Irlanda tassumi l-Presidenza li tinbidel kull sitt xhur tal-Kunsill tal-UE. L-istabbiltà, l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku huma t-tliet prijoritajiet tal-Presidenza.
Il-Kummissjoni Ewropea tniedi s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, li se tiffoka fuq id-drittijiet u l-vantaġġi prattiċi li n-nies jiggwadanjaw biċ-ċittadinanza tal-UE.
It-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (magħruf bħala l-'patt fiskali') jidħol fis-seħħ. Għandu l-għan li jsaħħaħ id-dixxiplina fiskali fiż-żona tal-ewro permezz ta' "regola ta' baġit bilanċjat" u mekkaniżmu ta' korrezzjoni.
Marsilja (Franza) u Košice (is-Slovakja) huma l-Kapitali Ewropej tal-Kultura 2013. Iż-żewġt ibliet se jospitaw avvenimenti għall-promozzjoni tal-kultura lokali tagħhom.
Ħatra ta' President ġdid għal Eurogroup – il-Ministru tal-Finanzi Olandiż Jeroen Dijsselbloem – għal terminu ta' sentejn u nofs.
Il-Ministri tal-Finanzi fil-prinċipju jaqblu li 11 pajjiżi taż-żona tal-ewro li tiddaħħal taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji.
Bħala parti minn pakkett ta’ proposti għal riforma ġdida tal-politika tas-sajd tal-UE, il-Ministri tal-UE jilħqu ftehim formali fil-Kunsill dwar il-ħarsien tal-istokkijiet tal-ħut fil-periklu li jinqerdu u t-tmiem tar-'rimi lura' - il-prattika li l-ħut mhux mixtieq jintrema lura fil-baħar.
Il-Kunsill jilħaq ftehim politiku dwar rakkomandazzjoni ta’ skema - “Garanzija għaż-Żgħażagħ” - għal dawk taħt il-25 sena. Din se tiżgura li dawn jiġu offruti impjieg, taħriġ, edukazzjoni ulterjuri jew apprendistat fi żmien erba’ xhur minn meta jitilqu mill-iskola jew minn meta jispiċċaw bla xogħol.