Fil-Balkani, il-Jugożlavja tibda' titfarrak biċċiet fl-1991. Il-ġlied l-ewwel jibda fil-Kroazja, imbagħad fil-Bożnja u Ħerzegovina u tfaqqa' gwerra ċivili bejn is-Serbi, il-Kroati u l-Musulmani.
7 ta’ Frar 1992
Jiġi ffirmat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea f'Maastricht. Dan hu pass importanti għall-UE - jiddefinixxi regoli ċari għall-futur tal-munita unika kif ukoll tal-politika barranija u ta' sigurtà u kooperazzjoni eqreb fil-kwistjonijiet ġudizzjarji u interni. Bit-Trattat, l-isem 'Unjoni Ewropea' jieħu post uffiċjalment il-'Komunità Ewropea'.
1 ta’ Jannar 1993
Is-suq uniku u l-erba' libertajiet tiegħu jiġu stabbiliti: il-moviment liberu tal-prodotti, is-servizzi, in-nies u l-flus issa jsir realtà. Mill-1986 intlaħaq qbil fuq iktar minn 200 liġi li jkopru l-politika tat-taxxa, regolamenti dwar in-negozju, il-kwalifiki professjonali u ostakli oħra għall-ftuħ tal-fruntieri. Il-moviment liberu ta' xi servizzi għadu mdewwem.
1 ta’ Jannar 1995
L-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja jingħaqdu fl-Unjoni Ewropea. Il-15-il membru issa kważi jkopru l-Ewropa tal-Lvant kollha. F'Ottubru 1990, il-Ġermanja ngħaqdet u għalhekk l-eks Ġermanja tal-Lvant issir parti mill-UE.
Stati Membri: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Lussembrugu,id-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Greċja, Spanja u l-Portugall.
Stati Membri Ġodda: l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja.

26 ta’ Marzu 1995
Il-Ftehim ta' Schengen jidħol fis-seħħ f'seba' pajjiżi - il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall. Iċ-ċittadini ta' kwalunkwe nazzjonalità jistgħu jivvjaġġaw bejn dawn il-pajjiżi kollha mingħajr il-kontroll tal-passaport fil-fruntieri. Minn dak in-nhar 'il hawn ingħaqdu pajjiżi oħra fiż-żona Schengen.
17 ta’ Ġunju 1997
L-Iffirmar tat-Trattat ta’ Amsterdam. Jibni fuq il-kisbiet tat-trattat ta' Maastricht, u jistabbilixxi pjanijiet biex jiġu riformati l-istituzzjonijiet tal-UE, biex l-Ewropa jkollha vuċi iktar b'saħħitha fid-dinja, u biex jiġu kkonċentrati iktar riżorsi fuq l-impjiegi u d-drittijiet taċ-ċittadini.
13 ta’ Diċembru 1997
Il-mexxejja tal-UE jiftiehmu biex jibdew il-proċess tan-negozjati ta' sħubija ma' 10 pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja. Il-gżejjer fil-Mediterran ta' Ċipru u Malta huma inklużi wkoll. Fis-sena 2000, bidliet fit-Trattat miftiehma f'Nizza jwittu t-triq għat-tkabbir bir-riforma tar-regoli ta' votazzjoni tal-UE.
Fl-1996, xjenzjati fl-Iskozja jirnexxilhom jikklonaw nagħġa minn ċellola waħda ta' nagħġa ta' sitt snin, rivoluzzjoni fl-inġinerija ġenetika. 'Dolly' hi kopja identika tal-'ġenitur' tagħha.
1 ta’ Jannar 1999
Tiddaħħal l-ewro fi 11-il pajjiż (il-Greċja tingħaqad magħhom fl-2001) għal tranżazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji biss. Il-karti u l-muniti jaslu iktar tard. Il-pajjiżi tal-ewro huma l-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja. Id-Danimarka, l-Iżvezja u r-Renju Unit għalissa jiddeċiedu li jibqgħu barra.
