Fis-sajf 1980, il-ħaddiema tat-tarzna fil-belt Pollakka ta' Gdansk, immexxija minn Lech Walesa, jagħmlu strajk għal iktar drittijiet. Strajks oħrjan isegwu fil-bqija tal-pajjiż. F'Awwissu, il-gvern iċedi biex tinħoloq it-trejdjunjin indipendenti Solidarność. Bil-mod il-mod il-gvern jerġa' jasserixxi l-poter tiegħu u jimponi l-liġi marzjali f'Diċembru 1981, li ttemm il-parentesi qasira tal-poter demokratiku fil-Polonja. Iżda ż-żerriegħa diġà nxterdet biex tinbet iktar tard.
1 ta’ Jannar 1981
Is-sħubija tal-UE tilħaq għaxar membri bl-adeżjoni tal-Greċja. Saret eliġibbli wara l-waqa' tar-reġim militari u r-ritorn lejn id-demokrazija fl-1974.
Stati Membri: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Lussemburgu, id-Danimarka, l-Irlanda, lu r-Renju Unit.
Stat Membru Ġdid: il-Greċja.

28 ta’ Frar 1984
Il-kompjuter u l-awtomazzjoni issa qed ibidlu l-mod kif ngħixu u naħdmu. Biex l-UE tibqa' dejjem fuq quddiem, tadotta l-programm 'Esprit' fl-1984, l-ewwel wieħed minn serje twila ta' programmi ta' riċerka u żvilupp li ffinanzjat.
Il-'bungee jumping' iqanqal eċċitament kbir. Il-ġenituri b'imsarnhom f'saqajhom, iżda ż-żgħażagħ iħobbu l-eċċitament qawwi ta' qabża fil-vojt, marbutin b'ħabel tal-lasktu li jiġbidhom lura qabel ma jmissu l-art.
1 ta’ Jannar 1986
Spanja u l-Portugall jingħaqdu fl-UE, issa bi 12-il membru.
Stati Membri: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Lussembrugu, id-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Greċja.
Stati Membri Ġodda: Spanja u l-Portugall.

17 ta’ Frar 1986
Għalkemm id-dazji doganali ġew eliminati fl-1968, għad baqa' xi ostakli għall-iskambju tal-kummerċ bejn il-fruntieri. Id-differenzi fir-regolamenti nazzjonali huma l-ostaklu ewlieni. L-Att Uniku Ewropew tal-1986 iniedi programm vast fuq sitt snin biex jelimina dan l-ostaklu. L-Att jagħti wkoll iktar influwenza lill-Parlament Ewropew u jsaħħaħ il-poteri tal-UE fil-ħarsien ambjentali.
15 ta’ Ġunju 1987
L-UE tniedi l-programm Erasmus li bis-saħħa tiegħu l-istudenti li jixtiequ jistudjaw f'pajjiż Ewropew ieħor għal perjodu massimu ta' sena jirċievu fondi mill-UE. Iktar minn 2 miljun żagħżugħ diġà gawdew minn dan il-programm u skemi simili tal-UE.
Il-waqa' tal-komuniżmu fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li bdiet fil-Polonja u l-Ungerija, hi simbolizzata bil-waqa' tal-Ħajt ta' Berlin fl-1989. Quddiem il-ħruġ bil-massa taċ-ċittadini lejn il-Punent, il-gvern tal-Ġermanja tal-Lvant jiftaħ il-fruntiera. Il-Ġermanja tingħaqad wara iktar minn 40 sena, u l-parti tagħha fil-Lvant tingħaqad mal-UE (Ottubru 1990).
