Mogħdija tan-navigazzjoni

1970 | 1971 | 1972 | 1973 | 1974 | 1975 | 1976 | 1977 | 1978 | 1979

1974

Jannar

1

Il-Ġermanja tassumi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej. Jidħlu fis-seħħ ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ECSC) u l-Awstrija, il-Portugall, l-Isvizzera u l-Isvezja. Jidħol fis-seħħ il-ftehim ta' kummerċ ħieles industrijali tal-Finlandja mal-Komunitajiet.

31

Il-Kummissjoni tindirizza lill-kapijiet tal-gvern f'dikjarazzjoni dwar l-istat tal-Komunità. Id-dikjarazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jingħata impuls ġdid lill-inizjattiva Ewropea billi jitqarrbu l-politiki nazzjonali u billi jiġu fformulati politiki komuni. Il-Parlament jiddikjara li l-għaqda tal-Ewropa tista' tinkiseb biss jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu kapaċi jsegwu politika bbażata fuq solidarjetà Ewropea ġenwina.

Frar

11-12

Il-Kunsill irrikonoxxa formalment id-dritt tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (ESC) li joħroġ opinjonijiet fuq inizjattiva personali u li jippubblika l-opinjonijiet tiegħu.

April

1

Wara l-bidla tal-gvern fir-Renju Unit, is-Segretarju tal-Istat Ingliż għall-affarijiet barranin u l-Commonwealth jagħmel stqarrija lill-Kunsill dwar il-politika tal-gvern il-ġdid rigward il-Komunità. Huwa jsejjaħ għal bidliet sostanzjali fil-Politika Agrikola Komuni (PAK), "metodi aktar ġusti ta' ffinanzjar tal-baġit Komunitarju" u soluzzjonijiet għall-problemi monetarji.

2

Ippreżentata lill-Kunsill dikjarazzjoni konġunta dwar l-istat tal-Komunità. Il-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jirrikonoxxu li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jitjieb jekk irid isir progress fuq kwistjonijiet sostantivi u jekk trid tiġi ggarantita l-kapaċità operattiva tal-Kummissjoni fuq perjodu fit-tul. Huma jagħmlu wkoll numru ta' proposti prattiċi.

Mejju

29-30

Laqgħa tal-Kunsill (livell ministerjali) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD). Sir Christopher Soames, Viċi President tal-Kummissjoni, jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u li tissokta l-ħidma sabiex titwessa' l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ dinji. Il-Kunsill tal-OECD jadotta dikjarazzjoni li tenfasizza l-gravità tad-diffikultajiet ekonomiċi fil-pajjiżi membri, b'mod partikolari dawk relatati mad-defiċits fuq il-pagamenti internazzjonali.

Ġunju

4

Il-Kunsill jikkunsidra l-proċeduri li għandu jadotta sabiex jeżamina l-problemi mqajma mir-Renju Unit u jiddiskuti l-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet tal-Komunità. Jintlaħaq xi ftehim dwar it-titjib li għandu jsir fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

10

Il-Kunsill jieħu żewġ deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' għajnuna mill-Fond Soċjali Ewropew għal ċerti miżuri speċifiċi f'isem persuni b'diżabilità u ħaddiema migranti.

21

Sentenza Reyners Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja taqtagħha li kull meta ċittadin ta' Stat Membru jkun jixtieq jistabbilixxi negozju f'pajjiż ieħor tal-UE, il-pajjiż ospitant huwa obbligat li ma japplika l-ebda liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva jew prattika li tista' tiddiskrimina kontrih meta mqabbel maċ-ċittadini tiegħu stess.

Lulju

1

Franza tassumi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.

15

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tittrażmetti dokument dwar l-UE lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunità. Hija l-ewwel istituzzjoni li twieġeb għall-istedina magħmula mis-Samit tal-1972 f'Pariġi, fi Franza.

25-26

F'Kingston, il-Ġamajka, tiġi organizzata konferenza ministerjali konġunta bejn l-UE u l-ACP (stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku). Din tenfasizza r-rieda politika tal-istati ACP u l-Komunità li jadottaw il-konvenzjoni fil-limiti taż-żmien imposti mill-iskadenza tal-Konvenzjoni ta' Yaoundé u l-ftehim ta' Arusha. Iżjed importanti minn hekk, jiġu maqbula linji gwida politiċi li jippermettu li jsir aktar progress fuq numru ta' punti.

Settembru

17

Il-Kunsill japprova formalment direttivi għan-negozjar ta' ftehimiet komprensivi ma' Spanja, l-Iżrael, l-Alġerija, il-Marokk u t-Tuneżija u l-estensjoni tal-ftehim eżistenti ma' Malta sabiex ikopri l-kooperazzjoni u l-agrikoltura.

Novembru

14-16

Konferenza Dinjija dwar l-Ikel f'Ruma, l-Italja. Il-Komunità, konxja mill-kriżi akuta tal-ikel li qegħdin jiffaċċjaw bosta pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, iżżid l-isforzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna alimentari u tipparteċipa fil-konferenza biex tgħin sabiex tinstab soluzzjoni fuq perjodu medju u twil għall-problema tal-provvista tal-ikel.

26

Il-Kunsill jiddeċiedi li jaġġusta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fir-rigward tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja bil-għan li jtejjeb il-proċeduri tal-Qorti sabiex din tkun tista' tlaħħaq ma' volum akbar tax-xogħol. Ġie deċiż li ċerti talbiet għal sentenzi preliminari li jirrigwardaw kwistjonijiet ta' natura teknika, jew li għalihom diġà jkun hemm korp stabbilit ta' każistika, jistgħu jiġu assenjati mill-Qorti lill-Kamra tiegħu bil-kundizzjoni li l-ebda Stat Membru ma joġġezzjona u l-ebda istituzzjoni ma titlob li l-każ jinstema' mill-Qorti sħiħa.

30

Il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u n-Norveġja u l-Finlandja jiġu ratifikati mill-Istati Membri kollha tal-Komunità. Dawn il-ftehimiet se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1975.

Diċembru

3

Il-Kunsill jilħaq ftehim fuq il-kontenut ta' abbozz ta' Trattat dwar il-poteri baġitarji tal-Parlament u t-twaqqif ta' Qorti tal-Awdituri. Sentenza Binsbergen. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja taqtagħha li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont il-liġi Komunitarja tista' tiġi invokata direttament quddiem il-qrati nazzjonali meta l-għan tal-provvediment ikun li titneħħa kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur tas-servizz fuq il-bażi taċ-ċittadinanza tiegħu/tagħha jew ir-residenza tiegħu/tagħha fi Stat Membru differenti minn fejn jiġu pprovduti s-servizzi.

9-10

Samit ġewwa Pariġi, fi Franza. Il-kapijiet ta' stat jew tal-gvern tal-UE jiddeċiedu li jiltaqgħu tliet darbiet fis-sena bħala l-Kunsill Ewropew, japprovaw l-elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew, jaqblu li jistabbilixxu l-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew u ddeċidew li jistabbilixxu l-unjoni ekonomika u monetarja. Huma jitolbu wkoll lis-Sur Tindemans, il-Prim Ministru Belġjan, biex jipproduċi rapport fil-qosor dwar l-UE sal-aħħar tal-1975.

19

Ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri jiddeċiedu li jestendu l-mandat tal-President tal-Kummissjoni, is-Sur François-Xavier Ortoli, sal-5 ta' Jannar 1977.

 Ara wkoll

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

IvaLE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?