Mogħdija tan-navigazzjoni
SpanjaIs-sena li fiha ssieħbet fl-UE: 1986
Il-belt kapitali: Madrid
Żona totali: 504,782 km²
Popolazzjoni: 45.8 miljun
Munita: Membru taż-żona tal-ewro mill-1999 (€)
Żona Schengen: Membru taż-żona Schengen mill-1991
Spanja kontinentali hija ddominata minn pjanuri għoljin u meded ta’ muntanji bħall-Pirenej u s-Sierra Nevada. Minn dawn l-għoljiet inixxu għadd ta’ xmajjar ewlenin bħall-Ebro, id-Duero, it-Tagus u l-Guadalquivir. Il-Gżejjer Baleariċi jinsabu ’l hinn mill-kosta Spanjola fil-Mediterran, filwaqt li l-Gżejjer Kanarji awtonomi jinsabu lil hinn mill-kosta Afrikana.
Spanja hija monarkija kostituzzjonali, b'monarkija ereditarja u parlament b'żewġt ikmamar: Il- Cortes. Il-Kostituzzjoni tal-1978 tagħti importanza lid-diversità lingwistika u kulturali fi ħdan Spanja magħquda. Il-pajjiż huwa maqsum f’komunitajiet (reġjuni) awtonomi li lkoll għandhom l-awtoritajiet rispettivi tagħhom eletti direttament. Fil-Katalunja, il-Pajjiż Bask u l-Galicia, il-lingwi reġjonali għandhom statut uffiċjali flimkien mal-lingwa nazzjonali Spanjola li hija msejħa wkoll Kastellana.
Is-setturi Spanjoli tas-servizz u l-manifattura huma b'saħħithom filwaqt li l-agrikoltura (speċjalment il-frott u l-ħaxix, iż-żejt taż-żebbuġa u l-inbid) u t-turiżmu jagħmlu wkoll ħafna profitt.
Minn Velázquez fis-seklu 17, sa Goya fit-18 u d-19, Picasso, Dali u Miro fl-20, Spanja hija mogħnija b’kultura artistika qawwija. Il-mużika u ż-żfin Flamenco Spanjol huma ammirati ferm madwar id-dinja, filwaqt li r-rumanz Don Quixote ta' Cervantes huwa wieħed mill-aktar kitbiet importanti fil-letteratura Ewropea moderna. Id-diretturi tal-films Spanjoli Pedro Almodóvar, Alejandro Amenábar u Luis Buñuel rebħu għadd ta’ premjijiet internazzjonali.
Il-kċina Spanjola hija magħrufa għall-paella (platt magħmul mir-ross, it-tiġieġ, il-frott tal-baħar u l-ħxejjex), it-tortilla (froġa bil-patata) u s-sangria (inbid aħmar servut bil-frott).









