Mogħdija tan-navigazzjoni
Is-SlovenjaIs-sena li fiha ssieħbet fl-UE: 2004
Il-belt kapitali: Ljubljana
Żona totali: 20,273 km²
Popolazzjoni: 2 miljun
Munita: Membru taż-żona tal-ewro mill-2007 (€)
Żona Schengen: Membru taż-żona Schengen mill-2007
Hekk kif il-Jugoslavja bdiet tisfaxxa, dik li llum hija s-Slovenja, u li qabel kienet waħda mis-sitt repubbliki li kienu jiffurmawha, saret pajjiż indipendenti fl-1991. Dal-pajjiż imissu miegħu l-Italja, l-Awstrija, l-Ungerija u l-Kroazja.
Fis-Slovenja jiltaqgħu erba’ reġjuni ġeografiċi ewlenin Ewropej: l-Alpi, iż-żona Dinarika, il-pjanura Pannonjana u l-Mediterran. Dan il-pajjiż huwa muntanjuż, u s-Sloveni jħobbu jiskijjaw u jiħħajkjaw. Il-bandiera nazzjonali turi l-muntanja Triglav bit- tliet quċċati tagħha, li hija l-ogħla muntanja fis-Slovenja u tlaħħaq l-2,864 metru.
Is-Slovenja dari kienet tagħmel parti mill-imperu Awstro-Ungeriż. Il-kapitali, Ljubljana, twaqqfet fi żmien ir-Rumani. L-università tagħha, b'aktar minn 50,000 student tikkontribwixxi lejn il-ħajja kulturali mimlija tal-belt. L-industriji ewlenin huma l-isperparts tal-karozzi, il-kimiċi, l-elettronika, l-appliances elettriċi, l-oġġetti tal-metall, it-tessuti u l-għamara.
L-attrazzjonijiet turistiċi jinkludu l-għerien famużi ta’ Postojna mżejna bl-istalaktiti u l-istalagmiti. Hemm graffiti fl-għerien li jagħtu xhieda li l-ewwel turisti ġew hawn fl-1213.
Il-kċina Slovena hija influwenzata sew minn dik tal-ġirien tagħha. Mill-Awstrija ġie l-iStrudel u l- Wiener schnitzel . L-Italja kkontribwiet ir-riżotto u r-ravjul u l-Ungerija l-gulax. Il- potica - kejk tradizzjonali Sloven li huwa magħmul billi tgerbeb saff ta' għaġina miksija bil-ġewż.
Fost l-aktar Sloveni magħrufa nsibu l-fiżiċista Jožef Stefan, il-lingwista Franc Miklošič u l- arkitett Jože Plečnik .





