You are here:

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Il-Pajjiżi l-Baxxi huma pajjiż bi pjanuri baxxi b’madwar kwart mit-territorju tiegħu fil-livell tal-baħar jew taħtu. Ħafna partijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi huma mħarsa mill-għargħar permezz ta’ digi u ħitan mibnija fil-baħar u ħafna mill-art inkisbet mill-baħar. Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom kosta twila mal-Baħar tat-Tramuntana u n-Nofsinhar mal-Belġju u l-Ġermanja tal-Lvant.

L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tan-Netherlands fl-2014 kienu l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (22.4 %), il-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (19.8 %) u l-industrija (16.9 %).

L-imsieħba ewlenin tal-esportazzjoni tan-Netherlands huma l-Ġermanja, il-Belġju u r-Renju Unit, filwaqt li l-imsieħba ewlenin tal-importazzjoni huma l-Ġermanja, iċ-Ċina u l-Belġju.

Kapitali: Amsterdam

Daqs ġeografiku: 41 540 km²

Popolazzjoni 16 829 289 (2014)

Popolazzjoni bħala % tal-popolazzjoni totali tal-UE: 3.3 % (2014)

PDG: € 602.658 biljun (2013)

Lingwa(i) uffiċjali tal-UE: L-Olandiż

Sistema politika: monarkija parlamentari kostituzzjonali

Pajjiż membru tal-UE: l-1 ta' Jannar 1958

Siġġijiet fil-Parlament Ewropew: 26

Munita: Membru taż-żona tal-euro  mill-1 ta' Jannar 1999

Membru taż-żona Schengen? Iva, membru taż-Żona Schengen mid-26 ta' Marzu 1995.

Presidenza tal-Kunsill: Il-Pajjiżi l-Baxxi kellhom il-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE 11-il darba bejn l-1960 u l-2004. Id-darba li jmiss se tkun fl-2016.

Il-Pajjiżi l-Baxxi fl-UE

Il-Parlament Ewropew

Hemm 26 membru fil-Parlament Ewropew mill-Pajjiżi l-Baxxi. Skopri min huma dawn il-MPE.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Pajjiżi l-Baxxi  Nederlands

Il-Kunsill tal-UE

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet u jikkoordinaw il-politiki tal-UE. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom b'mod regolari rappreżenanti tal-gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont il-qasam tal-politika li jkun qed jiġi indirizzat.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE ma għandux persuna waħda permanenti bħala President (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, xogħlu jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li tinbidel kull sitt xhur.

Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż imexxu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Dati tal-presidenzi Olandiżi:

Lulju-Diċembru 1960 | Lulju-Diċembru 1963 | Lulju-Diċembru 1966 | Lulju-Diċembru 1969 | Lulju-Diċembru 1972 | Lulju-Diċembru 1976 | Jannar-Ġunju 1981 | Jannar-Ġunju 1986 | Lulju-Diċembru 1991 | Jannar-Ġunju 1997 | Lulju-Diċembru 2004 | Jannar-Ġunju 2016.

Aktar dwar il-presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE Deutsch français English .

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissarju nominat mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-Kummissjoni Ewropea hu Frans Timmermans English , li hu l-Ewwel Viċi President, inkarigat mir-Regolamentazzjoni Aħjar, ir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Il-Kummissjoni hi rappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.

Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom 12-il rappreżentant English fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Din l-entità konsultattiva – li tirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – hi kkonsultata dwar il-liġijiet proposti, sabiex tingħata idea aħjar ta’ bidliet possibbli fis-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom 12-il rappreżentant English fil-Kumitat tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Din l-entità konsultattiva tiġi kkonsultata dwar il-liġijiet proposti, biex tiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.

Ir-Rappreżentanza għall-UE

Il-Pajjiżi l-Baxxi jikkomunikaw wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħhom fi Brussell. Bħal “Ambaxxata għall-UE” tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.

Baġits u Finanzjament

Kemm jikkontribwixxu u jirċievu flus il-Pajjiżi l-Baxxi?

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE huma kondiviżi b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija ta' pajjiżek, aktar iħallas – u viċi versa. Il-baġit tal-UE ma jimmirax biex iqassam mill-ġdid il-ġid, imma pjuttost jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej kollha b’mod ġenerali.

Analiżi tal-finanzi tal-Pajjiżi l-Baxxi mal-UE fl-2013:

  • L-infiq totali tal-UE fil-Pajjiżi l-Baxxi: € 2.264 biljun
  • L-infiq totali tal-UE bħala % tal-DNG tal-Pajjiżi l-Baxxi: 0.38 %
  • Il-kontribuzzjoni totali Olandiża għall-baġit tal-UE: € 4.745 biljun
  • Il-kontribuzzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-baġit tal-UE bħala % tad-DNG tagħhom: 0.79 %

Aktar ċifri dwar il-baġit tal-UE, id-dħul u l-infiq:

Infiq totali tal-UE fil-Pajjiżi l-Baxxi:

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE fil-Pajjiżi l-Baxxi jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.

Skopri aktar dwar kif il-Pajjiżi l-Baxxi jibbenefikaw mill-finanzjamenti tal-UE.

Tagħrif prattiku