Mogħdija tan-navigazzjoni
Il-LussemburguIs-sena li fiha ssieħbet fl-UE: Membru fundatur (1952)
Il-belt kapitali: Il-Belt tal-Lussemburgu
Żona totali: 2,586 km²
Popolazzjoni: 0.5 miljun
Munita: Membru taż-żona tal-ewro mill-1999 (€)
Żona Schengen: Membru taż-żona Schengen mill-1985
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa pajjiż ċkejken imdawwar mill-Belġju, Franza u l-Ġermanja, li l-istorja tiegħu hija minsuġa f’dik tal-ġirien akbar minnu ta' madwaru. Dal-pajjiż huwa fil-biċċa l-kbira magħmul minn sensiliet ta’ għoljiet wara xulxin u foresti.
Tul l-istorja antika tiegħu, il-Lussemburgu għadda minn idejn bosta stati u familji ta’ reanti, imma sa mill-10 seklu kien entità politika separata, anke jekk mhux dejjem awtonoma. Illum il-ġurnata, il-Lussemburgu huwa Gran Dukat ereditarju b’sistema parlamentari unikamerali.
Il-Lussemburgiż, hija l-lingwa nazzjonali u jixbaħ lill-Ġermaniż. Il-Ġermaniż hija l-ewwel lingwa barranija għal ħafna Lussemburgiżi u jintuża fl-istampa u l-mezzi tax-xandir. Il-Franċiż hija l-lingwa amministrattiva.
L-istruttura ekonomika tal-Lussemburgu hija msejsa prinċiparjament fuq il-banek, l-assikurazzjoni u l-industrija tal-azzar. L-agrikoltura u l-produzzjoni tal-inbid għandhom l-importanza tagħhom ukoll.
Ħafna mill-platti speċjali tal-Lussemburgu huma tip li wieħed jistenna f'pajjiż forestali. Dawn jinkludu l-fenek salvaġġ u l-perżut mill-Ardennes. It-trota u l-lizz, friski mix-xmajjar tal-pajjiż jidhru regolarment fil-menus.
Il-Lussemburgu jaqsam il-baċir tax-xmara Mosella mal-Ġermanja u l-inbejjed bojod lokali huma ċelebri u popolari. Bħall-pajjiżi l-oħra tan-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, il-Lussemburgu huwa famuż ukoll għad-ditti famużi ta' birer li jipproduċi.

