Mogħdija tan-navigazzjoni
L-IrlandaIs-sena li fiha ssieħbet fl-UE: 1973
Il-belt kapitali: Dublin
Żona totali: 70,000 km²
Popolazzjoni: 4.5 miljun
Munita: Membru taż-żona tal-ewro mill-1999 (€)
Żona Schengen: Mhux membru tax-Schengen
Mindu ssieħbet fl-Unjoni Ewropa fl-1973, l-Irlanda (É ire) ittrasformat ruħha minn soċjetà aktarx agrikola f’ekonomija moderna u avvanzata teknoloġikament, tant li ġiet imlaqqma t-Tigra Keltika.
Il-pjanuri agrikoli jifformaw parti sew mill-intern tal-pajjiż, li kultant huwa maqsum minn għoljiet baxxi u jinkludi żoni mdaqqsa ta' artijiet mistgħadra u għadajjar. Il-kosta tal-punent hija kkaratterizzata mill-muntanji, li jwasslu sa għoli ta' ’l fuq minn elf metru f'xi nħawi. Kważi terz tal-popolazzjoni tgħix f’Dublin.
Id- Dáil , jew il-kamra minuri tal-Parlament, hija komposta minn 166 membru, filwaqt li s-Seanad, jew il-kamra superjuri, fiha 60 membru. L-elezzjonijiet Parlamentari jittellgħu kull ħames snin. Il-President, elett għal mandat ta' seba' snin, għandu dmirijiet prinċipalment ċerimonjali.
Minkejja li l-istorja Irlandiża għaddiet minn perjodi ta' għawġ u taqlib, niesha minn dejjem kellhom imħabba għall-mużika u r-rakkonti tal-istejjer. Dik li spiss tissejjaħ art il-qaddisin u l-akkademiċi, kienet ukoll il-pajjiż fejn twieldu bosta kittieba famużi li naqqxu isimhom fl-istorja tal-lettatura Ingliża, bħal ngħidu aħna Yeats, Joyce, Beckett, Wilde u Shaw. L-Irlanda hija wkoll il-post minn fejn ħarġu xi kantanti u gruppi tal-mużika rock ta’ fama internazzjonali bħall-U2, The Corrs u Sinéad O’Connor.
L-ingredjenti prinċipali tal-kċina tradizzjonali Irlandiża huma l-laħmijiet sempliċi u l-ħxejjex mgħollija bħall-patata, il-karrotti, il-liftja u z-zunnarija bajda.













