Mogħdija tan-navigazzjoni
L-EstonjaIs-sena li fiha ssieħbet fl-UE: 2004
Il-belt kapitali: Tallinn
Żona totali: 45,000 km²
Popolazzjoni: 1.3 miljun
Munita: Membru taż-żona tal-ewro mill-2011 (€)
Żona Schengen: Membru taż-żona Schengen mill-2007
L-Estonja, li hija l-aktar stat Baltiku ’l fuq, kisbet l-indipendenza tagħha mill-ġdid fl-1991 mill-Unjoni Sovjetika. Hija pajjiż il-biċċa l-kbira ċatt max-xtut tal-lvant tal-Baħar Baltiku, b’bosta lagi u gżejjer. Ħafna mill-art hija użata għall-biedja jew miksija bil-foresti.
Il-lingwa Estonjana hija viċina ħafna tal-Finlandiż, imma m'għandha x'taqsam xejn f’dak li huwa xebħ mal-lingwi l-oħra tar-repubbliki Baltiċi, il-Latvija u l-Latvja, u lanqas mar-Russu. Xi kwart tal-popolazzjoni hija ta' oriġini Russa.
Il-kapitali, Tallinn, hija waħda mill-aktar bliet medjevali fl-Ewropa kkonservati sew, u t-turiżmu jgħodd 15% tal-PGD Estonjan. L-ekonomija hija mmexxija mill-inġinerija, il-prodotti tal-ikel, il-metalli, il-kimiċi u l-prodotti tal-injam.
Tul l-istorja, ħafna min-nazzjonijiet l-oħrajn li ħakmu dan ir-reġjun - id-Daniżi, il-Ġermaniżi, l-Isvediżi, il-Pollakki u r-Russi – influwenzaw it-tradizzjonijiet tat-tisjir Estonjani. Fost il-platti tradizzjonali nsibu s-sallura mmarinata, iz-zalzett imdemmi u l-istuffat tas-sauerkraut bil-majjal.
Fost l-estonjani magħrufa, nsibu lil Jaan Kross li x-xogħolijiet tiegħu inqalbu mill-inqas f’20 lingwa, l-awtur tal-epika nazzjonali (Kalevipoeg) Friedrich Reinhold Kreutzwald, u l-kittieb, direttur tal-films, diplomatiku u politiku Lennart Meri.





