Mogħdija tan-navigazzjoni
Il-BelġjuIs-sena li fiha ssieħbet fl-UE: Membru fundatur (1952)
Il-belt kapitali: Brussell
Żona totali: 30,528 km²
Popolazzjoni: 10.7 miljun
Munita: Membru taż-żona tal-ewro mill-1999 (€)
Żona Schengen: Membru taż-żona Schengen mill-1985
Il-Belġju huwa stat federali maqsum fi tliet reġjuni: L-art Fjamminga fin-naħa ta’ fuq fejn jitkellmu bl-Olandiż, il-Wallonja fin-naħa t'isfel fejn jitkellmu bil-Franċiż u Brussell, il-kapitali bilingwa, fejn kemm il-Franċiż kif ukoll l-Olandiż huma lingwi uffiċjali. Hemm ukoll minorità żgħira ta’ xi 70,000 ruħ li jitkellmu bil-Ġermaniż fil-parti tal-lvant tal-pajjiż.
Il-pajsaġġi fil-Belġju jvarjaw ferm: Hemm 67 kilometru ta’ kosta mal-baħar u pjanuri kostali ċatti tul xatt il-Baħar tat-Tramuntana. Fiċ-ċentru jiddominaw l-għoljiet u fix-xlokk tal-pajjiż insibu r-reġjun tal-Ardennes li huwa miżgħud b'foresti xxuxxati.
Brussell tospita għadd ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali: il-maġġorparti tal-istituzzjonijiet Ewropej jinsabu hawn kif ukoll il-kwartieri ġenerali tan-NATO.
Independenti sa mill-1830, il-Belġju huwa monarkija kostituzzjonali. Iż-żewġ kmamar tal-Parlament huma l-Kamra tar-Rappreżentanti, li l-membri fi ħdanha jittellgħu għal perjodu massimu ta’ erba’ snin, u s-Senat jew kamra superjuri, li l-membri tiegħu jistgħu jew jittellgħu f’elezzjoni inkella jiġu kkooptjati. Minħabba l-formazzjoni politika tiegħu, il-Belġju ġeneralment jitmexxa minn gvernijiet ta' koalizzjoni.
Fost l-aktar Belġjani famużi nsibu lil Georges Rémi (Hergé), l-inventur ta’ Tintin, il-kittieba Georges Simenon u Hugo Claus, il-kompożitur u kantant Jacques Brel u ċ-ċiklista Eddy Merckx. Pitturi bħal James Ensor, Paul Delvaux u René Magritte huma s-suċċessuri moderni ta’ Rubens u l-maestri Fjammingi l-oħra tal-imgħoddi.
Il-Belġju huwa famuż għaċ-ċikkulata, li tintgħoġob madwar id-dinja kollha. Platt favorit huwa l-molluski biċ-ċips li, skont ma tirrakonta l-leġġenda, huma invenzjoni Belġjana. Barra minn hekk il-pajjiż jipproduċi 'l fuq minn 1,000 tipi ta' birra.








