Mogħdija tan-navigazzjoni
L-AwstrijaIs-sena li fiha ssieħbet fl-UE: 1995
Il-belt kapitali: Vjenna
Erja totali: 83,870 km²
Popolazzjoni: 8.3 miljun
Munita: Membru taż-żona tal-ewro mill-1999 (€)
Żona Schengen: Membru taż-żona Schengen mill-1995
L-Alpi jiddominaw il-partijiet tal-punent u n-nofsinhar tal-Awstrija filwaqt li l-provinċji tal-Lvant - inkluża l-kapitali Vjenna - jinsabu fil-baċir tad-Danubju.
Sa tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Awstrija għal sekli sħaħ kienet iċ-ċentru ta imperu vast li kien jikkontrolla l-biċċa l-kbira tal-Ewropa ċentrali. L-Awstrija tal-lum hija repubblika federali, li tikkonsisti f’disa’ stati.
Vjenna tospita għadd ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom is-Segretarjat tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi li Jesportaw iż-Żejt (OPEC).
Il-Parlament Awstrijak hu magħmul minn żewġ kmamar. Il-Kunsill Nazzjonali, jew Nationalrat , għandu 183 membru, li huma eletti b'vot popolari dirett biex iservu għall-perjodu ta' ħames snin. Il-Kunsill Federali, jew Bundesrat, huwa l-kamra superjuri b'madwar 62 membru li jirrappreżentaw lil kull provinċja. Il-membri tiegħi jservu għal mandat ta’ erba’ jew sitt snin.
L-Awstrija mogħnija b’wirt kulturali kbir. Wolfgang Amadeus Mozart jokkupa pedestall speċjali bħala kompożitur, filwaqt li l-mużika ta' Franz Schubert hija popolari immens ukoll. Fil-qasam tal-filosofija u l-ideat, ix-xogħol ta' Sigmund Freud għadu sal-lum jiġġenera l-kontroversji filwaqt li Ludwig Wittgenstein ħalla impatt ewlieni fuq l-evoluzzjoni tal-ħsieb filosofiku tas-seklu 20. Fl-arti, l-opri ta' Gustav Klimt mit-tmiem is-snin 1900 huma ammirati minn bosta.
L-Awstrija għandha ekonomija mħallta bejn l-industrija u l-agrikoltura, filwaqt li t-turiżmu wkoll għandu postu bħala sors importanti ta' dħul.
Fil-qasam tal-ikel, xi wħud mill-ispeċjalitajiet tal-Awstrija bħall- Wiener Schnitzel u l-Apfelstrudel saru magħrufin mad-dinja kollha u ma jeħtieġu l-ebda introduzzjoni.














