Mogħdija tan-navigazzjoni

Id-Dikjarazzjoni ta' Schuman – 9 ta' Mejju 1950

Id-Dikjarazzjoni ta' Schuman saret mill-ministru għall-affarijiet barranin Robert Schuman fid-9 ta' Mejju 1950. Hi pproponiet il-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li l-membri tagħha kellhom jiġbru flimkien il-produzzjoni tal-faħam u l-azzar tagħhom.

Il-KEFA (membri fundaturi: Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju u l-Lussemburgu) kienet l-ewwel minn serje ta' istituzzjonijiet supranazzjonali Ewropej li finalment saru l-"Unjoni Ewropea" tal-lum.

Kuntest storiku

Fl-1950, in-nazzjonijiet tal-Ewropa kienu għadhom jitħabtu biex joħorġu mit-tkissir li ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinjija, li kienet intemmet 5 snin qabel.

Determinati li ma jkunx hemm gwerra oħra tant terribbli, il-gvernijiet Ewropej ikkonkludew li ġbir flimkien tal-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar kellu – skont id-diskors tad-Dikjarazzjoni – jagħmel il-gwerra bejn Franza u l-Ġermanja li storikament kienu rivali "mhux biss inkonċepibbli, iżda materjalment impossibbli".

Kien maħsub – korrettament – li l-għaqda tal-interessi ekonomiċi kellha tgħin biex jitjiebu l-istandards tal-għajxien u biex tkun l-ewwel pass lejn Ewropa aktar magħquda. Is-sħubija tal-KEFA kienet miftuħa għal pajjiżi oħrajn.

Kwotazzjonijiet ewlenin

  • "Il-paċi fid-dinja ma tistax tkun garantita mingħajr ma jsiru sforzi kreattivi propozjonali mal-perikli li jhedduha."
  • "L-Ewropa mhux se tinbena f'daqqa, jew skont pjan wieħed. Se tinbena permezz ta' kisbiet konkreti li l-ewwel ma jibnu hi solidarjetà fil-fatt."
  • "Il-ġbir flimkien tal-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar... se jibdel id-destin ta' dawn ir-reġjuni li ilhom żmien użati għall-manifattura tal-munizzjonijiet tal-gwerra, li tagħhom huma kienu l-aktar vittmi konstanti."

Test sħiħ

Il-paċi dinjija ma tistax tiġi mħarsa mingħajr sforzi kreattivi proporzjonali għall-perikli li jhedduhom.

Il-kontribuzzjoni li Ewropa organizzata u ħajja tista' twassal liċ-ċiviltà hi indispensabbli għaż-żamma ta' relazzjonijiet paċifiċi. Franza, li għal iktar minn 20 sena, assumiet ruħha bħala d-difensur ta' Ewropa unita, minn dejjem kellha l-għan essenzjali li tikkontribwixxi għall-paċi. Mingħajr l-Ewropa kellna gwerra.

L-Ewropa mhux se tinbena f'daqqa, jew skont pjan wieħed. Se tinbena b'kisbiet konkreti li l-ewwel ma jibnu hi solidarjetà fil-fatt. Biex jingħaqdu n-nazzjonijiet Ewropej jeħtieġ li l-oppożizzjoni dejjiema bejn Franza u l-Ġermanja tispiċċa. L-ewwel azzjoni li għandha tittieħed għandha tikkonċerna lil dawn iż-żewġ pajjiżi.

Fid-dawl ta' dan, il-Gvern Franċiż qed jipproponi li tittieħed azzjoni immedjata fuq punt wieħed iżda deċiżiv.

Il-Gvern Franċiż jipproponi li jqiegħed il-produzzjoni Franko-Ġermaniża tal-faħam u l-azzar taħt Awtorità Għolja komuni, f'organizzazzjoni li jistgħu jissieħbu fiha pajjiżi oħrajn tal-Ewropa.

Il-ġbir flimkien tal-produzzjoni tal-faħam u l-azzar għandu jipprovdi minnufih għall-bini tal-pedamenti komuni għall-iżvilupp ekonomiku bħala l-ewwel pass fil-federazzjoni tal-Ewropa, u se jibdel id-destin ta' dawn ir-reġjuni li ilhom żmien użati għall-manifattura tal-munizzjonijiet tal-gwerra, li tagħhom huma kienu l-aktar vittmi konstanti.

Is-solidarjetà ta' produzzjoni b'hekk stabbilita għandha twassal biex kwalunkwe gwerra bejn Franza u l-Ġermanja mhux biss tkun inkonċepibbli, iżda ssir materjalment impossibbli. It-twaqqif ta' din l-unità ta' produzzjoni potenti, miftuħa biex jieħdu sehem fiha l-pajjiżi kollha, intiża biex tforni lill-pajjiżi kollha fi ħdanha l-elementi bażiċi tal-produzzjoni industrijali b'kundizzjonijiet ugwali, se tkun il-ġebla tax-xewka tal-unifikazzjoni ekonomika tagħhom.

Din il-produzzjoni se tkun offruta lid-dinja kollha mingħajr distinzjoni jew esklużjoni, biex jogħla l-livell tal-għajxien u jiġu promossi l-kisbiet favur il-paċi.  B'iktar riżorsi, l-Ewropa se tkun tista' tkompli twettaq waħda mill-iktar kompiti essenzjali tagħha: l-iżvilupp tal-kontinent Afrikan.

B'hekk tkun tista' titwettaq b'mod sempliċi u rapidu l-għaqda tal-interessi li hi indispensabbli għat-twaqqif ta' komunità ekonomika li titfa' ż-żerriegħa ta' komunità ikbar u iktar profonda bejn pajjiżi mifnija għal żmien twil b'kunflitti mdemmija.

Bl-għaqda tal-produzzjonijiet bażiċi u bl-istituzzjoni ta' Awtorità Għolja ġdida, li d-deċiżjonijiet tagħhom jorbtu lil Franza, lill-Ġermanja u lill-pajjiżi li jissieħbu fiha, din il-proposta għandha twassal għall-ewwel pedamenti konkreti ta' federazzjoni Ewropea indispensabbli għaż-żamma tal-paċi.

Biex jippromwovi t-twettiq tal-għanijiet hawnhekk definiti, il-Gvern Franċiż jinsab lest biex jiftaħ negozjati abbażi ta' dan li ġej hawn taħt.

Il-missjoni tal-Awtorità Għolja komuni se tkun dik li tiżgura fl-inqas żmien possibbli: il-modernizzazzjoni tal-produzzjoni u t-titjib tal-kwalità tagħha, il-provvista b'kundizzjonijiet identiċi tal-faħam u l-azzar fis-swieq ta' Franza u tal-Ġermanja, kif ukoll f'pajjiżi membri oħra, l-iżvilupp komuni tal-esportazzjonijiet lil pajjiżi oħrajn, l-ugwaljanza u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema f'dawn l-industriji.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet fid-dawl tal-kundizzjonijiet differenti ħafna li bħalissa jinsabu fihom il-produzzjonijiet tal-pajjiżi msieħba, ikun aħjar li, għal żmien tranżitorju, jiġu implimentati ċerti miżuri, bħall-applikazzjoni ta' pjan ta' produzzjoni u investiment, l-istabbiliment ta' mekkaniżmi għall-aġġustament tal-prezzijiet, u l-ħolqien ta' fond ta' ristrutturar biex jiffaċilita r-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni. Iċ-ċirkolazzjoni tal-faħam u l-azzar bejn il-pajjiżi msieħba se tkun ħielsa immedjatament minn kull tip ta' dazji doganali u mhix se tkun affettwata b'rati differenti ta' trasport. Bil-mod il-mod jinħolqu l-kundizzjonijiet li jiżguraw spontanjament id-distribuzzjoni iktar razzjonali tal-produzzjoni fl-ogħla livell ta' produttività.

Għall-kuntrarju ta' kartell internazzjonali, bit-tendenza li jimponi prattiki restrittivi fuq id-distribuzzjoni u l-isfruttar tas-swieq nazzjonali, u li jżomm profitti għoljin, l-organizzazzjoni se tiżgura l-għaqda tas-swieq u l-espansjoni tal-produzzjoni.

Il-prinċipji u l-impenji essenzjali definiti hawn fuq se jkunu s-suġġett ta' trattat iffirmat bejn l-Istati u sottomess għar-ratifika mill-parlamenti tagħhom. In-negozjati rikjesti biex jingħataw id-dettalji tal-miżuri ta' applikazzjoni jsiru permezz ta' arbitru maħtur bi ftehim komuni; dan ikun responsabbli li jara li l-ftehimiet milħuqa jikkonformaw mal-prinċipji minquxa u f'każ ta' kunflitt, isib is-soluzzjoni li tiġi adottata.

L-Awtorità Għolja komuni responsabbli għall-ġestjoni tas-sistema se tkun magħmula minn persuni indipendenti maħtura mill-gvernijiet, b'rappreżentazzjoni ugwali. Jintgħażel president bi ftehim komuni bejn il-gvernijiet; id-deċiżjonijiet tal-Awtorità jkunu infurzabbli fi Franza, fil-Ġermanja u fil-pajjiżi l-oħra li jissieħbu. Miżuri adegwati jiżguraw mezzi ta' rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtorità.

Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti f'din l-Awtorità jkun inkarigat biex darbtejn fis-sena jagħmel rapport pubbliku lin-Nazzjonijiet Uniti, biex jirrapporta dwar il-ħidma tal-organizazzjoni l-ġdida, speċjalment fir-rigward tas-salvagwardjar tal-għanijiet tagħha.

L-istituzzjoni tal-Awtorità Għolja ma tista' bl-ebda mod tippreġudika s-sistema ta' pussess tal-intrapriżi. Fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha, l-Awtorità Għolja komuni se tqis il-poteri  mogħtija lill-awtorità internazzjonali tar-Ruhr u l-obbligi ta' kull natura imposti fuq il-Ġermanja, sakemm dawn jibqgħu fis-seħħ.

 Ara wkoll

 Downloads

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

IvaLE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?