Minn fejn jiġu l-flus?
L-UE tikseb id-dħul tagħha mhux biss mill-kontribuzzjonijiet tal-istati membri iżda wkoll minn dazji fuq l-importazzjonijiet fuq prodotti minn barra l-UE u perċentwal tat-taxxa fuq il-valur miżjud imposta minn kull pajjiż membru.
Kif qed jintefqu l-flus?
Il-baġit tal-UE jħallas firxa wiesgħa ta' attivitajiet mill-iżvilupp rurali u l-ħarsien ambjentali sal-ħarsien tal-fruntieri esterni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament ilkoll għandhom sehem biex jiddeċiedu dwar id-daqs tal-baġit u kif għandu jiġi allokat. Iżda l-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-infiq kurrenti.
L-ewro
L-ewro, li jintuża ta' kuljum minn madwar 332 miljun Ewropew, hu l-iktar prova tanġibbli tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE. Il-benefiċċji tal-ewro huma ovvji għal kull min jivvjaġġa jew jixtri onlajn fuq websajts ibbażati f'pajjiż ieħor tal-UE.
Il-Kriżi Ekonomika u Finanzjarja
Il-kriżi ekonomika
, mill-bidu tagħha fl-2008, qanqlet azzjoni intensa u kontinwa mill-gvernijiet nazzjonali tal-UE, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni. Ilkoll ħadmu flimkien biex jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, jipproteġu l-flus imfaddla, iżommu fluss ta' kreditu li n-negozji u l-familji jistgħu jiksbu, jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja, u jimplimentaw sistema ta' governanza mtejba għall-futur.


